Immigrazzjoni
Ara kif il-Pulizija jaqbdu passiġġiera b’dokumenti foloz fl-ajruport

Persuni li mal-wasla f’Malta jinqabdu b’dokument ta’ identifikazzjoni falz jew b’permessi ta’ residenza skaduta jinżammu l-ajruport u jintbagħtu lura mal-istess titjira li jkunu ġew biha. Mill-bidu ta’ din is-sena kien hemm 195 barrani li għal din ir-raġuni ma tħallewx jirfsu mill-għatba ‘l barra tal-ajruport u l-pjani li kellhom għal żmien f’Malta taru mar-riħ.

Ħidmet il-Pulizija tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni fl-Ajruport hi ffukata kemm fuq passiġġieri li jkunu se jħalla Malta kif ukoll fuq passiġġieri li jkunu għadhom kemm waslu fil-pajjiż. L-akbar sfida hawnhekk hi fil-moviment ta’ passiġġieri minn u lejn il-pajjiżi fiż-żona Schengen fejn m’hemmx kontrolli fuq il-fruntieri.

Minkejja li persuni li jkunu fuq titjiriet li ġejjin minn ajruporti li jinsabu fiż-żona Schengen m’għandhomx għalfejn jippreżentaw id-dokumenti ladarba jaslu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, uffiċjali tal-kontroll tal-fruntieri flimkien ma’ uffiċjali mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija jagħmlu spezzjonijiet għal għarrieda biex jaraw li kulħadd għandu d-dokument korrett.

L-ispezzjonijiet isiru fuq passiġġieri li jqanqlu suspett lill-uffiċjali tal-immigrazzjoni f’Malta jew fuq passiġġieri li dwarhom il-Pulizija tkun irċeviet notifika minn uffiċjali barranin tal-immigrazzjoni biex jistħarrġu d-dokument tal-ivjaġġar tagħhom.

Segwejna spezzjoni fuq passiġġieri li kienu għadhom kemm waslu b’titjira minn Turin. Hawnhekk instabu persuni b’dokumenti foloz jew imbagħbsa, iżda mhux biss. Segwi fil-filmat:

“Sibna passaporti li sibna counterfeit bħala paġna, jiġifieri ‘forged.’ Ikollhom kollox tajjeb imma l-bio data kienet ħażina. Sibna wkoll 3 li kellhom permess ta’ residenza skaduta u ma tħallewx jidħlu malta u għandhonm jintbghatu lura aktar tard illum fuq l-istess titjira,” spjegat is-Surġent Anna Marie Zammit.

L-uffiċjali tal-kontroll tal-fruntieri jispezzjonaw bir-reqqa d-dokumenti.

Is-Surgent qalet li mat-teknoloġija tagħti ħafna piż lill-esperjenza fix-xogħol li twassal biex jindunaw persuna għandhiex kollox skont il-liġi. “Meta bniedem jersaq lejk tibda tinduna li jkun hemm ċertu biża’ jew eċitament. Ġieli jużaw mossi li jkunu normali u dawk jittriggerjawk li tiġbdu mal-ġenb u tiċċekjah aktar sew.”

Is-Surġent Zammit qalet li ħafna drabi, il-passiġġieri li jkunu qed jużaw dokumenti foloz ma jkunux jafu minn fejn inġieb id-dokument iżda jgħidu li jkunu ħallsu ħafna flus għalih.

Intant, fis-swali tat-tluq, persuni li jinqabdu jippruvaw iħallu Malta b’dokumenti foloz jiġu arrestati u jitressqu l-Qorti. F’każ ta’ ħtija, fil-maġġoranza tal-każi jiġu kkundannati sitt xhur ħabs.