Unjoni Ewropea
ARA: Il-pakkett aġġornat kif propost mill-President Michel

Il-pakkett aġġornat kif propost mill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel jinkludi €360 biljun f’self u €312.5 biljun f’għotjiet diretti.  Mal-għotjiet iridu jiżdiedu €77.5 biljun maqsumin fuq strateġiji u inizjattivi differenti għal total komplessiv ta’ €750 biljun.

Id-dettalji tal-hekk imsejħa Nego-Box ġdid (Negotiation Box) qed jingħataw bħalissa lill-PM u Kapijiet ta’ Gvern differenti waqt sessjoni oħra plenarja tal-Kunsill Ewropew li bdiet tiltaqa’ bħalissa.

Il-Kunsill ilu min-nhar il-Ġimgħa jiddiskuti mhux biss fuq id-daqs tal-budget sal-2027 iżda wkoll il-Fond tal-Coronavirus.  Fuq dan il-fond kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar il-bilanċ bejn għotjiet u self.  Il-President Michel fl-aħħar sigħat ippreżenta dan il-pakkett ‘imnaqqas’ li qed jogħġob lil numru ta’ pajjiżi li jissussidjaw l-aktar il-budget tal-UE iżda fl-istess ħin qed jiġi kkritikaw minn oħrajn, anki mill-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli, għax ma jurix biżżejjed solidarjetà mal-istati membri l-aktar fil-bżonn.

Sadanittant skont il-proposti l-ġodda, il-Budget tal-Unjoni Ewropea sal-2027 għandu jammonta għal €1.074 biljun.

Fil-proposti l-ġodda, il-President Michel ħa ħsieb jindirizza wkoll il-kundizzjonijiet li riedu jimponu l-Olanda u erba’ pajjiżi oħra dwar il-ħarsien tas-saltna tad-dritt u li l-Ungerija u l-Polonja ilhom joġġezzjonaw għalihom sa mill-bidu nett.   Hemm bidla wkoll dwar it-tħaddim u l-governanza tal-Fond ta’ Irkupru.