Infrastruttura
ARA: “Il-Perit qalli noqogħdu attenti għax ħin jew ieħor il-bini jinżel” – resident biswit sit ta’ kostruzzjoni

It-tiġrif tal-binjiet fil-Mellieħa u fi Gwardamanġa mhux biss affettwaw il-persuni involuti iżda wkoll familji oħrajn li jgħixu f’biża’ minħabba xogħijiet li qed isiru viċin tagħhom.

Waħda minnhom hija l-familja Galea f’Tas-Sliema li d-dar tagħhom tmiss ma’ sit tal-kostruzzjoni fi Triq Parisio fejn it-tħaffir diġà niżel diversi sulari taħt il-livell tat-triq u ilu għaddej kważi sitt xhur.

George Galea wrina l-konsenturi li qal żviluppaw bit-tħaffir. “Mad-dar kollha, speċjalment, hawn isfel, u fejn għandi l-kċina u l-kamra tal-banju, u anki hemm beda nieżel u nqasam. Il-kuntrattur għidtlu kemm-il darba imma ma jridx jisma’, u baqa’ jqatta’. Il-kuntrattur suppost qatta’ daqs żewġ piedi ‘l barra mill-ħajt tagħna. Qatta’ eżatti, dik kontra l-liġi qiegħda, u ma tax kas. Xi tridni nagħmillu jien?” qal George Galea. “U għandi hawn ukoll ara, Hawn minn meta bdew iħaffru ftit ftit beda jmur ‘il barra, kwart, żewġ kwarti, tliet kwarti, ara kemm infetaħ hemm. Biċċa biċċa beda nieżel, u jien meta kien hemm l-imgħallem tagħhom għidtlu u qalli ma huwa xejn, dejjem ma huwa xejn u dejjem jikber.”

Is-sur Galea qal li konsegwenza tat-tħaffir il-bir inqasam u issa jinsab qoxqox. Żied jgħid li minkejja li l-kuntrattur issoda l-blat ta’ taħt id-dar ta’ George bil-vireg tal-ħadid, il-bini xorta baqa’ jiċċaqlaq. Qal li anki l-katusi tad-drenaġġ inqassmu u li sa ftit jiem ilu kellu d-drenaġġ inixxi fil-bitħa. “Qed tarah b’għajnejk hemm fuq, dak kelli nsewwih jien. Għidtlu lill-kuntrattur, qalli mbagħad niġi u nagħmilulek, għax dak hekk sejjer, u qatt ma jiġi.”

Ġirien oħra li tkellmu ma’ Dissett qalulna li l-kuntrattur irranġalhom xi ħsarat. Fil-każ tas-Sur Galea u l-ġirien oħra tiegħu, il-kuntrattur għadu m’għamlilhom xejn u qed jgħixu fil-biża’.

“Darba minnhom kien hemm ta’ wara l-imgħallem, bħal supervisor, qalli jekk jista’ jkun toqogħdux fil-bitħa, għidtlu jien ma noqgħodx fil-bitħa x’jiġifieri? Jiena jiddispjaċini li għamluli din il-ħsara kollha, u ma nafx x’ħa jiġri minn issa ‘l quddiem. Għax jaf qegħdin hawn u jinżel kollu.” Mistoqsi jekk hux qiegħed f’periklu, is-sur Galea qal “għidli x’nagħmel, għandi partita għasafar fuq il-bejt, irrid nalifhom għandi żewġ klieb tal-kaċċa rrid noħroġhom. Fejn tridni mmur jien? M’għandix fejn immur jien.”

Daru mal-ħajt is-sur Galea għamel rapport fl-għassa għax ma felaħx jissaporti iżjed anke minħabba l-kundizzjoni ta’ martu li tqatta’ sigħat kuljum bil-magna tan-nifs.

“Mort l-għassa, mhux jien biss, anki l-ġirien. Il-Pulizija taf x’qaluli? Mur qabbad Perit imbagħad il-Perit jimxi. Il-Perit kulma qalli oqogħdu attenti għax ħin jew ieħor jinżel, il-kamra tal-banju u l-kċina u ta’ fuq” qal is-sur Galea.

Waqt li s-sur Galea ma jafx x’ser jaqbad jagħmel, uħud mill-ġirien tiegħu dabbru rashom biex jevitaw il-periklu. “Meta beda dan ix-xogħol waħda marret home, u l-oħra qiegħda għand it-tifla, u dik tal-kantuniera ħaditha għand oħtha, biex ma tabużax li toqgħod hawn ukoll għax qalilha toqogħdux la fuq il-bitħa u lanqas fuq in-naħa ta’ lil hemm għax ħin jew ieħor jinżel” qal is-sur Galea.

Dan is-servizz se jidher f’Dissett, fejn il-mistednin se jispjegaw x’rimedji hemm u xi protezzjoni jgawdi mil-liġi. Dissett jixxandar illejla wara l-aħabarijiet.

Aħbarijiet Oħra
Droga

L-Aġenziji li jaħdmu mal-vittmi tad-droga fosthom is-Sedqa u l-Caritas huma tal-fehma li l-użu rikreattiv tal-kannabis m’għandux ikun promoss għax ikattar il-kultura favur l-abbuż tad-droga. Din il-fehma intweriet waqt il-programm Dissett…

Partit Nazzjonalista

Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Kristy Debono qalet fi stqarrija li sabet li 84 mill-200 firma fil-petizzjoni li titlob biex jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali biex jiddiskuti l-ġejjieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista huma…

Lokali

Ta’ tnax-il sena sofriet diżabilità minħabba mard u wara ħafna snin ta’ żwieġ kellha tifel bil-kundizzjoni down syndrome. Minkejja l-isfidi, Lorraine Pellicano tgħid li Thomas berkilha ħajjitha u ħerqana li…

Lokali

Meqjusa fost l-ewwel tobba f’Malta li bdiet taħdem bla heda mal-vittmi tad-droga, ħidmet it-tabiba Maria Sciberras tfakkret f’konferenza f’għeluq il-25 sena mit-twaqqif tal-Aġenzija Sedqa u fil-jum internazzjonali kontra l-abbuż u…

Aktar