Politika
ARA: Il-PM iwieġeb dwar it-tilqima tal-COVID-19 u d-divorzju

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li llejla, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne se jkun qed jagħti d-dettalji b’rabta mat-tilqima tal-COVID-19 fil-Parlament.  Waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, wara l-inawgurazzjoni tat-tieni padiljun tal-basketball f’Ta’ Qali, Dr Abela qal li l-messaġġ tiegħu huwa li importanti nibqgħu prudenti. Qal li meta tingħata t-tilqima ma jfissirx li nistgħu nneħħu l-miżuri restrittivi kollha. Qal li l-miżuri jibdew jitneħħew b’mod gradwali. Il-Prim Ministru tenna għal darb’oħra l-appell tiegħu għad-dixxiplina u biex ma naħsbux f’termini tal-jien biss u naħsbu f’ħaddieħor biex ma nitilfux dak li rbaħna f’dawn l-aħħar xhur.

Għal mistoqsija oħra tal-ġurnalisti dwar il-Bord tal-Inkjesta Pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Prim Ministru qal li jinsab fiduċjuż li sal-ġimgħa d-dieħla, il-bord jagħlaq l-inkjesta pubblika. Spjega li din l-inkjesta kienet ġiet estiża skont it-termini maqbula mal-familja ta’ Caruana Galizia u dik mitluba mill-bord li qed imexxi l-inkjesta. L-inkjesta tagħlaq fil-15 ta’ Diċembru li ġej.

Il-Prim Ministru wieġeb ukoll dwar id-divorzju u qal li kien hu stess li tkellem li għandha titneħħa l-klawsola li tkun ilek erba’ snin separat sabiex tapplika għad-divorzju. Spjega li l-Gvern kellu jieħu pariri għax fil-liġi hemm nota li biex titneħħa l-klawsola ta’ erba’ snin separazzjoni jrid isir referendum. Qal li l-Gvern ħa l-pariri biex jara jistax ineħħi l-klawsola msemmija mingħajr il-ħtieġa ta’ referendum. Spjega li nhar l-Erbgħa li ġej, waqt il-laqgħa tal-Kabinett se jitressaq abbozz dwar din il-klawsola.

Ara x’qal il-Prim Ministru hawn: