Politika
ARA: Il-PM jgħid li l-proklama mogħtija lil Vince Muscat se tiġi ppubblikata

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-avvenimenti li seħħew fl-aħħar sigħat huma konferma oħra b’saħħitha ta’ istituzzjonijiet li jaħdmu u jagħtu riżultati effettivi.

Il-Prim Ministru qal dan meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet illejla fl-isfond tal-aħħar żviluppi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn Vince Muscat ammetta u ġie kkundannat 15-il sena ħabs, waqt li tliet persuni oħra ġew arrestati.

Qal li l-fatt li llum hemm persuna li ammettiet il-ħtija tagħha u ġiet issentenzjata fuq il-qtil Caruana Galizia, huwa pass ieħor biex tkompli titwettaq il-ġustizzja.

Il-Prim Ministru kkonferma li l-Kabinett ilbieraħ laqa’ l-parir konġunt mogħti lilu mill-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, u l-President illum iffirma l-prokama b’numru ta’ kundizzjonijiet. Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Dr Abela qal li se jitlob li l-proklama tiġi ppubblikata.

Qal li bl-arrest ta’ għadd ta’ persuni l-Pulizija intensifikat l-investigazzjonijiet fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u sostna li l-Gvern kommess li li jibqa’ jagħti l-għajnuna lill-istituzzjonijiet

Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sostna li pajjiżna sofra ħafna b’dan id-delitt iżda l-verità ser toħroġ u kulħadd għandu jassigura li toħroġ kollha.

U ċ-chairperson ta’ ADPD Carmel Cacopardo laqa’ l-aħħar żviluppi u awgura li kull min huwa involut fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jiffaċċja l-ġustizzja.

F’reazzjoni għas-sentenza l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia esprimiet it-tama li dan il-pass jibda jwassal għal ġustizzja sħiħa għall-ġurnalista li nqatlet fis-16 ta’ Ottubru 2017.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Vince Muscat ikkundannat 15-il sena ħabs għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia