Lokali
ARA: Fid-dettall il-miżuri l-ġodda biex tiġi kkontrollata l-imxija

Fil-konferenza tal-aħbarijiet li fiha tħabbar id-dħul fis-seħħ minn ta’ aktar miżuri, il-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci taw aġġornament dwar diversi aspetti tal-pandemija fosthom il-programm nazzjonali ta’ tilqim, il-varjant tar-Renju Unit, l-infurzar u s-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li matul il-pandemija, l-pajjiż baqa’ resiljenti u appella għar-responsabilità minn kulħadd. Saħaq li d-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern matul din il-pandemija, inkluż dawk li ħabbar illum, dejjem kienu appoġġjati mill-fatti xjentifiċi u mediċi disponibbli. Dr Abela qal li l-aqwa għodda tal-infurzar huma n-nies stess, anke jekk qal li se jiżdiedu r-riżorsi tal-forzi tal-ordni, uffiċċjali tas-saħħa pubblika u l-awtorità tat-turiżmu biex isaħħu l-infurzar tar-restrizzjonijiet.

Dr Abela stqarr li fl-aħħar ġimgħat huwa kien taħt pressjoni kbira hekk kif l-ammont ta’ każijiet ġodda komplew jiżdiedu. Qal li l-pajjiż irnexxielu jiskansa t-tbassir ikrah ta’ eluf ta’ mwiet li sar fil-bidu tal-pandemija, filwaqt li esprima dispjaċir għal kull mewt li ġiet reġistrata minħabba l-Covid. Il-Prim Ministru ddefenda lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u tenna l-fiduċja tiegħu fiha.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li issa l-pandemija hija tellieqa bejn il-virus u l-vaċċin. Qal li l-fatti qed juru li t-tilqima qed taħdem. Appella biex kull min jirċievi l-istedina għat-tilqima, jeħodha u fl-istess waqt jibqa’ josserva l-miżuri.

Id-Deputat Prim Ministru Fearne ħabbar li Malta se tkun fost l-ewwel pajjiżi fid-dinja li se jibda juża kits li jiddeterminaw mhux biss persuna hix pożittiva għall-Covid-19 jew le imma jekk hi pożittiva, b’liema varjant.

“Probabilment nibdew nużawhom minn tmiem din il-ġimgħa se nkunu nistgħu ngħidu in real time kemm minn dawk il-pazjenti li huma pożittivi huma bil-varjant jew le. Sa issa kien ikollna nistennew il-geonsequencing li jdum ġimgħa.”

Fost ir-raġunijiet li semma Dr Fearne għan-numru għoljin ta’ każijiet ġodda, hemm li l-varjant tar-Renju Unit li qal qed jiġi trasmess iżjed fost it-tfal u għalkemm mhux imarradhom serjament, qed ixerrduh aktar fost il-bqija tal-komunità.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci spjegat x’miżuri qed jittieħdu fl-iskejjel meta jfeġġu każi ta’ Covid biex tkun ikkontrollata l-imxija.

“Meta aħna jkollna każijiet fit-tfal, li dawn jattendu l-iskola, hemmhekk aħna ħloqna tim apposta biex dan it-tim jaħdem il-każijiet mill-ewwel ħalli b’hekk dawk il-persuni li jkunu qegħdin f’kuntatt, jitpoġġew fi kwarantina biex ma jikkontribwixxux aktar għall-firxa.”

Il-Professur Gauci qalet li l-clusters tal-każijiet fl-iskejjel qatt ma’ kienu kbar biex jingħalqu l-iskejjel.