Brexit
ARA: Il-PM mhux sorpriż li r-Renju Unit se jitlob għal estensjoni dwar Brexit

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li Malta tappoġġja t-talba biex jitwal iż-żmien għar-Renju Unit sakemm joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

F’kummenti lil TVM minn Abu Dhabi, Dr Muscat għamilha ċara iżda li l-Unjoni Ewropea mhix se tiċċaqlaq mill-ftehim innegozjat mar-Renju Unit.

Qal li issa huwa għar-Renju Unit li jiddeċiedi li jaċċetta l-ftehim jew inkella jċaqlaq id-deċiżjoni tiegħu biex Brexit ma jsirx.

L-għada li l-Parlament Ingliż ivvota favur mozzjoni biex jitlob li jiġi estiż iż-żmien għat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru Joseph Muscat, qal li Malta kienet minn tal-ewwel li appoġġjat din it-talba li tista’ tintlaqa’ jekk il-pajjiżi kollha tal-Unjoni jaċċettaw li ma jkunx implimentat Artiklu 50 tat-trattat tal-Unjoni Ewropea biex tingħata din l-estensjoni.

”Aħna bħala pajjiż, il-pożizzjoni diġà għamilnieha magħrufa. Waqt li fl-UE ħafna pajjiżi qed jgħidu iva l-estensjoni qed nikkunsidrawha, imma jrid ikun hemm raġunar li se ssir u mhux biex sempliċiment ngħidu posponiment for the sake of postponing, waqt li naqblu ma’ dik il-linja ta’ ħsieb, aħna wieħed minn dawk il-pajjiżi li għedna mill-ewwel u għedtha pubblikament li nappoġġjaw l-estensjoni. Anke mqar biex anke jekk ir-Renju Unit għand bżonn aktar ħin biex jaqblu fuq dan il-ftehim jew biex jgħidu li se jċaqalqu xi ħaġa mill-goal posts tagħhom li sal-lum għadhom m’għamlux.”

F’kummenti lil TVM f’Abu Dhabi, Dr Muscat qal li hu ma kienx sorpriż bil-voti fil-Parlament Ingliż. Żied jgħid li l-Unjoni Ewropea iżda mhix se tiċċaqlaq pulzier mill-ftehim innegozjat, attitudni li qal ma tirriflettix suppervja iżda realiżmu għax l-Unjoni Ewropea ma tistax tmur kontra l-prinċipji li fuqhom twaqqfet. Mistoqsi dwar il-possibilità li l-estensjoni tkun għal wara t-30 ta’ Ġunju li ġej, Dr Muscat irrimarka li hemm żewġ kwistjonijiet li jridu jiġu ċċarati.

”Il-problema li għandi jien l-ewwel wieħed, li rrid nifhem hu kif se jittrattaw l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li tal-inqas mill-pariri legali li għandhom l-istituzzjonijiet Ewropej u li aħna parteċipi fihom, jgħidulna li r-Renju Unit jekk jibqa’ wara s-26 ta’ Mejju jkollu jorganizzaw dawn l-elezzjonijeit xorta. Kif tista’ torganizzahom ma nafx, x’siwi jista’ jkollhom ma nafx imma trattat huma trattati. Jekk ikun hemm estensjoni, naħseb li jrid ikun ċar u tond ukoll hu r-Renju Unit x’tip ta’ attitudni se jieħu vis à vis il-budget tal-UE. Ma jistax ikollha veto fuq budget li mhux se tkun parteċipi fih. Jekk tkun membru tal-UE, strictly speaking xorta jkollhom veto. Allura naħseb hu fl-interess ta’ ħafna pajjiżi li naraw li r-Renju Unit ma jistax iżomm dak il-veto.”

Il-Prim Ministru qal li issa, bil-vot tal-Parlament Ingliż, ir-Renju Unit ma jistax joħroġ mingħajr ftehim. Spjega li l-alternattivi li fadallu huma tnejn: jew li joħroġ bil-ftehim preżenti jew li jiċċaqlaq biex Brexit ma jsirx.

Aħbarijiet Oħra
Droga

Uffiċjali tad-Dwana rnexxielhom isibu kwantita’ kbira ta’ droga kokaina. Is-sejba saret dalgħodu f’4 kontejners waqt ħidma li saret mid-Dwana fil-Port Ħieles. Fi stqarrija, id-Dwana qalet li wara li ġew skenjati…

Saħħa

Huma fost l-aktar annimali li l-bniedem jistkerraħ u possibilment bl-akbar appoġġ li jigu vvalenati. Dawn huma l-ġrieden u l-firien li hu pruvat li jistgħu jkunu ta’ theddida għas-saħħa pubbliku għax…

Internet

Bosta mis-siti elettroniċi tal-Gvern għad m’għandhomx verżjoni bil-Malti jew m’għandhomx l-informazzjoni kollha bil-Malti wkoll. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti qajjem dan il-punt mal-awtoritajiet iżda s-sitwazzjonijiet ma nbidlitx. Għalkemm l-ilsien Malti hu…

Infrastruttura

Sittin fil-mija tal-ilma li jasal fid-djar tal-Maltin ġej mill-impjanti ta’ desalinizzazzjoni. F’intervista ma’ TVM, il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Richard Bilocca spjega li l-pjan tal-korporazzjoni hu li dan jiżdied biex…

Aktar