Politika
AĠĠORNAT: Il-President jgħid li llum sar l-ewwel pass lejn iktar għaqda nazzjonali

Il-President ta’ Malta George Vella qal li l-ewwel pass hu dejjem diffiċli, u l-konferenza għall-għaqda nazzjonali mhux se tagħmel mirakli, iżda hija l-ewwel minn ħafna passi żgħar biex naslu sabiex ikollna soċjetá anqas maqsuma u iktar magħquda.

Waqt li kien qed jindirizza l-konferenza għall-għaqda nazzjonali fil-Palazz Verdala, il-President qal li hu jħoss li dan hu obbligu lejn dawk iċ-ċittadini onesti u ta’ rieda tajba li jinsabu mdejqin bis-sitwazzjoni u lejn il-ġenerazzjonijiet li ġejjin biex ngħaddulhom pajjiż aħjar minn dak li qegħdin fih llum.

Fid-diskors tiegħu, il-President qal li hu importanti li ma nippuntawx biss subgħajna lejn ħaddieħor, iżda kull persuna tara x’jista’ jsir biex l-affarijiet nirranġawhom għall-aħjar. Stqarr li dan hu biss bidu ta’ proċess li l-għan tiegħu huwa li l-ewwel u qabel kollox jirnexxilna nikxfu u niskopru dak kollu li jifridna u niddiskutuh b’mod miftuħ, bla preġudizzju u b’għan kostruttiv.

Waqt il-konferenza qed isiru interventi minn diversi kelliema u mill-pubbliku li varjaw minn sejħiet biex l-għaqda tkun mibnija fuq il-verità u biex jitrażżan il-lingwaġġ diviżiv u ta’ mibgħeda speċjalment fuq il-media soċjali.

Saru wkoll riflessjonijiet partikolari fuq aspetti varji tas-soċjetà minn seba’ kelliema – Prof Andrew Azzopardi, il-Perit David Xuereb, Reno Bugeja, Prof Simone Borg, Aleks Farrugia, Mario Fava u l-Professur Carmen Sammut, li kienet ukoll moderatur tal-forum qalet li wieħed ‘jifred u jsaltan’ hija waħda mill-eqdem strateġiji politiċi li tkattar retorika ta’ firda, u biex nersqu lejn l-għaqda jeħtieġ naraw l-għeruq ta’ dak li qed iqanqal u jkebbes il-firda, fosthom il-lingwaġġ diviżiv u mhux rispettuż fuq il-media soċjali.

Prof Sammut qalet li l-fiduċja ddum biex tinbena imma jeħtieġ li jkun hemm azzjoni biex il-poplu ma jagħmilx bħal bagħal tas-sinja li jimxi ħafna mili imma ma jagħmel l-ebda progress.

Hekk kif il-konferenza ġiet fi tmiemha, il-President ta’ Malta George Vella qal li jinsab sodisfatt ħafna li l-ewwel konferenza għall-għaqda nazzjonali kienet miżgħuda kummenti validi biex ikun hemm djalogu kostrutiv u rispettuż għal kif se nimxu ‘l quddiem biex ikun hemm inqas firda u nersqu aktar lejn l-għaqda.

Min irid jgħaddi aktar kummenti jista’ jibgħat email fuq [email protected]