Politika
ARA: Il-President tiltaqa’ mal-Papa u tiddiskuti ż-żamma tal-paċi

L-aħħar impenn internazzjonali tal-President Marie-Louise Coleiro Preca ħadha l-Italja, b’laqgħat mal-President Sergio Mattarella f’Ruma u mal-Papa Franġisku fil-Vatikan.

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca żammet mat-tradizzjoni li tagħlaq il-Presidenza bi żjara lill-Papa fil-Vatikan.

Stqarrija tal-Vatikan qalet li l-Papa u l-President ta’ Malta rreferew għar-relazzjonijiet tajba bejn iż-żewġ naħat u l-kollaborazzjoni bejn l-istat u l-knisja favur il-progress uman, soċjali, kulturali u spiritwali tal-poplu Malti. Diskussi wkoll temi ta’ interess komuni fosthom l-immigrazzjoni fil-Mediterran u d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet.

Il-President Coleiro Preca ppreżentat lill-Papa kopja tad-dikjarazzjoni nazzjonali għall-armonija bejn ir-reliġjonijiet, iffirmata x-xahar li għadda f’Malta. Id-dikjarazzjoni titkellem dwar il-valuri komuni li jgħaqqdu r-reliġjonijiet.

Mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Carmelo Abela, il-President kellha laqgħa wkoll mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin li kien akkumpanjat mil-Monsinjur Antoine Camilleri, li jassistih fil-ħidma dwar ir-relazzjoni tal-Vatikan ma’ stati oħra.

Barra l-Vatikan, il-President Coleiro Preca kellha laqgħa mal-President tal-Italja, Sergio Mattarella, li ffukat fuq ir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi bejn iż-żewġ pajjiżi ġirien.

Fil-kapitali tal-Italja, il-President iltaqgħet ukoll mal-komunità Maltija. Hi rringrazzjathom tal-viżibbiltà li b’xogħolhom u bil-preżenza tagħhom jagħtu lil Malta fl-Italja. Stqarret li hi xi ħaġa sabiħa meta relazzjonijiet bilaterali jiżviluppaw fil-livell tal-kuntatt li l-persuni jkollhom fil-ħajja ta’ kuljum bħal fl-iskejjel, universitajiet, fil-postijiet tax-xogħol u fil-qasam soċjali.

Aħbarijiet Oħra
Trasport

B’investiment ta’ €11 miljun ewro se jiżdiedu 50 xarabank ġdid fil-flotta tat-trasport pubbliku. Fl-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela faħħar l-investiment tal-kumpanija privata Autobus De Leon li għat-tieni sajf konsekuttiv investiet…

Pulizija

Fl-okkażjoni tal-206 anniversarju mit-twaqqif tal-korp tal-pulizija, l-Arċisqof Charles J Scicluna qal li l-motto tal-Korp stess, Domine Dirige Nos qed jitlob lil Alla jmexxi Hu. L-Arċisqof qal li x-xogħol tal-Korp hu…

Agrikultura

Il-pitkala kollha se jingħataw għodda teknoloġika biex jibdew jirreġistraw il-prodotti kollha f’sistema komuni li se tkun aktar trasparenti u biha jkun hemm rendikont aġġornat tal-prodotti li nbigħu, il-prezzijiet u x’fadal….

Aktar