Kultura
ARA: Il-Prim Ministru jilqa’ lil Destiny f’Kastilja

Friska mis-suċċess bħala r-rebbieħa tat-tieni edizzjoni ta’ X Factor Malta, Destiny intlaqgħet mill-Prim Ministru Robert Abela f’Kastilja. Dr Abela awguralha għal dan il-mument u għall-karriera mużikali tagħha, waqt li tenna l-impenn tal-pajjiż li jippromwovi t-talent żagħżugħ.

Għal-laqgħa mal-Prim Ministru f’Kastilja, Destiny kienet akkumpanjata mill-ġenituri tagħha u ħutha, u mill-Kap Eżekuttiv tal-PBS Charles Dalli.

Dr Abela ddeskriva s-serata tal-X Factor bħala vivaċi u b’saħħitha. Huwa qal li l-pajjiż kburi li jara żgħażagħ b’entużjażmu li jsaħħu isem pajjiżna barra minn xtutna.

Destiny intlaqgħet ukoll mill-Ministru responsabbli mix-xandir pubbliku Carmelo Abela li faħħar il-livell ta’ talent tal-parteċipanti fl-X Factor. Huwa kellu kliem ta’ tifħir għall-Public Broadcasting Service għal mod professjonli kif ipproduċa x-show u għall-ispazju li ta lit-talent żagħżugħ.

Destiny wegħdet li ser tagħmel l-almu kollu tagħha biex tagħmel lill-poplu Malti kburi bil-prestazzjoni tagħha fil-Eurovsion Song Contest f’Mejju li ġej fl-Olanda.