Politika
ARA: Il-Prim Ministru jindirizza l-ewwel laqgħa tal-Kabinett f’Kastilja

Miżuri ghat-tisħiħ tal-governanza kienu fl-aġenda tal-ewwel laqgħa tal-kabinett tal-Prim Ministru Robert Abela f’Kastilja, li kienet segwita minn laqgħa tal-grupp Parlamentari Laburista. Fiha l-grupp Parlamentari approva n-nomina ta’ Glenn Bedingfield bħala l-whip tal-Gvern flok Byron Camilleri, li issa nħatar Ministru. Fi tmiem il-laqgħa tal-grupp Parlamentari, żewġ eks membri tal-kabinett stqarrew ma’ TVM li xorta ser jibqgħu attivi fil-ħidma tal-gvern u fil-politika.

L-għada li għażel il-kabinett il-ġdid, il-Prim Ministru Robert Abela kellu l-ewwel laqgħa mal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, li matulha ġew diskussi l-prijoritajiet tal-Gvern għall-kumplament tal-leġiżlatura. Fi tmiem l-ewwel laqgħa tal-kabinett, Dr Abela qal li t-tim ġdid beda l-ħidma biex iwettaq l-għanijiet ta’ dal-gvern, li qal bdew jinħassu anke barra minn Malta.

“L-ewwel nett li ndaħħlu kemm jista’ jkun malajar l-istabbilità. Nemmen li l-ewwel sinjali li tajna, anke bil-ħatriet ta’ kabinett ġdid u l-kompożizzjoni tad-dekasteri u l-indivdiwi li ser ikunu qed jikkomponu l-kabinett il-ġdid, diġà bagħtu messaġġ tajjeb, anke barra minn xtutna, għax anke rajt rappurtaġġ ta’ midja wkoll barranija li bagħat dak il-messaġġ tajjeb. Mhux biżżejjed, fadal x’nagħmlu – ser nibqgħu għaddejjin b’ħafna ħidma, però rajt kuraġġ u entużjamu fil-kabinett, li jagħmluli kuraġġ biex nibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħna,” qal il-Prim Ministru.

Il-laqgħa tal-kabinett, li bdiet fl-għaxra ta’ filgħodu, kienet segwita b’laqgħa mal-grupp parlamentari Laburista. Il-Grupp Parlamentari Laburista approva n-nomina tal-Prim Ministru biex Glen Bedingfield ikun il-Whip tal-Gvern meta l-Parlament jerġa’ jiltaqa’ nhar it-Tnejn.

“Ser tkun esperjenza ġdida li dieħel għaliha bl-istess impenn, ħeġġa u determinazzjoni – mhux faċli -il-whips preċedenti kienu whips tajbin – nispera li nkun għall-altezza tagħhom,” qal is-Sur Bedingfield.

Anthony Agius Decelis u Joe Mizzi, żewġ deputati li ma ġewx maħtura fil-kabinett il-ġdid, kienu preżenti għal-laqgħa tal-grupp parlamentari. Id-deputat Agius Decelis, li kien Segreterarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva, qal li ser jibqa’ involut fil-ħidma tal-Gvern.

“Il-Prim Ministru għandu diversi proġetti li jixtieqni nagħti l-input tiegħek hemmhekk, u qiegħed spalla ma’ spalla mal-Prim Ministru biex inwettqu l-manifest elettorali u nagħmlu diversi proġetti oħrajn,” qal Anthony Agius Decelis.

Id-deputat Joe Mizzi, li kien Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, qal li joqgħod għad-deċiżjoni tal-Prim Ministru u ser ikompli jirrappreżanta lill-poplu bl-aħjar mod fil-Parlament. “Bħala membru parlamentari ser nibqa’ nagħmel id-dover tiegħi lejn il-Kostituzzjoni u lejn pajjiżi u beħsiebni anke għall-elezzjoni li ġejja wkoll, sakemm inkun għadni b’saħħti, nerġa’ nagħti l-kontribut tiegħi ukoll.”

Qabel bdiet il-laqgħa tal-kabinett, studenti mill-iskola Primarja ta’ San Bastjan, f’Ħal Qormi, iltaqgħu mal-Prim Ministru Abela u stedinhom biex jidħlu miegħu biex jispjegalhom il-ħidma tiegħu u tal-kabinett.

Ara x’kellhom xi jgħidu t-tfal dwar din il-laqgħa speċjali:

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Raġel ta’ 31 sena, residenti Ħal Qormi, li kien imftittex mill-Pulizija b’rabta ma’ żewġ hold-ups li seħħew fil-jiem illi għaddew, kien arrestat fl-aħħar sigħat. Investigazzjonijiet intensivi mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati…

Lokali

Sewwa sew xahar qabel Malta tidħol fl-atmosfera tal-karnival, faqqet kontroversja dwar karru li qed jinbena minn wieħed mill-karristi li juru l-Arċisqof Charles Scicluna u fl-isfond tiegħu d-dar San Ġużepp b’implikazzjoni…

Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li ta struzzjonijiet sabiex parti minn Triq San Ġużepp, fil-Qala, terġa’ tinbena mill-aktar fiss possibbli. Dan wara li ċedew biċċiet mir-retaining wall u l-pedamenti ta’…

Lokali

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qed jikkontesta r-ruling tal-Ispeaker Anġlu Farrugia li sab Prima Facie każ ta’ ksur ta’ privileġġ wara li Dr Azzopardi akkuża lid-Deputat Chris Cardona li huwa korrott…

Aktar