Lokali
ARA: Il-Pulizija tidentifika bosta persuni involuti fi ġlieda bl-użu ta’ żewġ karozzi f’Tas-Sliema

Il-Pulizija qed tinvestiga glieda li seħħet fil-bidu tax-xahar bejn grupp ta’ persuni f’Tas-Sliema.

Bi tweġiba għal sensiela ta’ mistoqsijiet, il-Pulizija kkonfermat ma’ tvm.com.mt li l-każ seħħ fl-1 ta’ April li għadda għall-ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija meta grupp ta’ persuni daħlu fl-Għassa ta’ Tas-Sliema jirrapportaw li weġġgħu ħafif waqt argument fi Triq l-Imrabat, f’Tas-Sliema. Il-Pulizija qalet li l-ġlieda kompliet fi Triq Gianni Bencini, il-Gżira.

L-argument inġibed fuq filmat minn gallarija ta’ binja ta’ appartamenti minn grupp Taljani u xxerred fuq bosta pjattaformi soċjali.

Fl-isfond ta’ ħafna għajjat u storbju, il-filmat juri wkoll sewwieq ta’ karozza lussuża jibqa’ dieħel fuq wara ta’ karozza li kienet quddiemu.

Il-Pulizija qalu li l-persuni involuti ġew identifikati, mitkellma mill-Pulizija, u se jinħarġu akkużi fil-konfront tagħhom.