Lokali
ARA: Il-Pulizija tinvestiga sparatura b’pistola minn karozza

Il-Pulizija qed tinvestiga allegat sparatura fuq tabella f’Bormla u li xxandet fuq is-sit soċjali ta’ Joseph Brignone, li flimkien m’oħtu, qed jinżammu taħt arrest preventiv b’rabta ma’ traffikar ta’ droga, sejba ta’ armi u ħasil ta’ flus.

Wara l-arresti tal-aħwa Joseph u Annalise Brignone nhar is-Sibt li għadda b’rabta ma’ traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus, il-Pulizija firxet l-investigazzjonijiet tagħha dwar l-armi misjuba f’din l-operazzjoni. Sorsi infurmati qalu li fost oħrajn qed ikunu investigati sparaturi fuq tabelli fl-inħawi tal-Kottonera.

Television Malta jinsab infurmat li l-Pulizija fost oħrajn qed tinvestiga filmat li tella’ Joseph Brignone nnifsu fuq is-sit soċjali tiegħu fi Frar li għadda, li fih tidher persuna f’karozza b’pistola f’idejha u tispara fuq tabella.

Television Malta jinsab infurmat li l-Pulizija ġabret minn tal-inqas tabella waħda minn Bormla li tidher li fih tir, waqt li nfetħet inkjesta maġisterjali mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras dwar il-każ.

Il-Pulizija kompliet issegwi l-passi taż-żagħżugħ fuq suspetti ta’ traffikar tad-droga, sakemm arrestatu s-Sibt li għadda fi Triq il-Kottonera, f’Bormla. Apparti li nqabad b’sustanzi illegali, fil-vettura taż-żagħżugħ nstabet arma tan-nar li qed tintuża f’analiżi ballistika biex tiġi stabbilita’ r-rabta bejn l-isparatura fuq it-tabella u l-allegat arma li tidher fil-filmat li tella’ ż-żagħżugħ fuq il-Facebook tiegħu.

Iż-żagħżugħ flimkien ma’ oħtu tressqu l-Qorti akkużati fost orhajn bi traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus. Huma ċaħdu l-akkużi kontrihom, iżda ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest.