Kronaka
ARA: Il-Pulizija trażżan raġel f’Buġibba wara li m’obdiex l-ordnijiet

Filmat li ġie ppubblikat fuq il-midja soċjali juri żewġ Pulizija jrażżnu raġel barrani li deher aġitat u beda jgħid kliem oxxen.

Il-każ seħħ illum għall-ħabta tat-3.00pm, meta l-Pulizija ssejħu biex jassistu minħabba raġel li kien qed jagħmel l-istorbju fi Triq il-Ġifen, fil-viċinanzi ta’ dik li kienet il-lukanda Paloma.

Fil-filmat li nġibed minn persuni li kienu f’gallarija, ir-raġel jidher jgħajjat u jargumenta mal-pulizija. Meta r-raġel jibda jimxi ’l hemm b’pass mgħaġġel, wieħed mill-Pulizija jidher imur warajh u jirristrinġieh, sakemm iż-żewġ pulizija u r-raġel spiċċaw mal-art.

Kelliem għall-Pulizija qal lil TVM li r-raġel kellu f’idejh trabixù, li huwa meqjus bħala arma. Qal li l-Pulizija ordnaw lir-raġel biex ineħħi t-trabixù minn idejh, iżda dan baqa’ jirrifjuta u joffendi lill-Pulizija.

Żied li kien għalhekk li l-Pulizija kellhom irażżnuh biex ma jweġġax lilu nnifsu u lil persuni oħra, u rnexxielhom jagħmlu dan mingħajr ma użaw l-ebda armi. Kien iċċarat li ħadd ma weġġa’.

Filmat: William Templeman – Facebook