Lokali
Ara: Ilha 9 snin priġuniera f’darha stess minħabba mard

Mara ta’ 58 sena qaltilna li ilha priġuniera ġo darha għal dawn l-aħħar 9 snin għax minħabba mard ma tiflaħx tinżel żewġ sulari taraġ. Il-mara, Rita Gatt hija armla b’erbat’ itfal, u qalet li minħabba t-taraġ tiddependi mill-għajnuna ta’ ħaddiehor sakemm tintlaqa’ t-talba tagħha biex tibdel l-appartament tal-gvern ma’ wieħed fil-pjan terran.

Rita Gatt li toqgħod f’appartament tal-Gvern f’Santa Luċija, tgħid li ilha disa’ snin msakkra ġo darha stess.

“Imkien imkien ma mmur, ġieli nagħmel xhur hawn maqfula, anqas noħroġ nixtri. Saħti ma ttinix ninżel it-taraġ, ma ttinix”.

Rita qalet li l-problema f’saħħitha bdiet minn problemi serji f’saqajha kawża ta’ trombosi, u problemi f’dahra. Sentejn ilu Rita, sofriet ukoll minn kanċer.

Imbikkma Rita qalet li torqod biss bil-magna tan-nifs, u ma tiflaħx tinżel taraġ. Qalet li l-unika darba li toħroġ id-dar huwa meta ta’ bilfors ikollha tmur għal viżti fl-isptar.

Rita romlot tmintax-il sena meta żewġha miet ħabta u sabta meta kellu biss 43 sena. Rita qalet li tistrieħ fuq l-erba’ wliedha li wara x-xogħol jagħmlulha x-xiri u l-qadjiet għax hi bilkemm tiflaħ tiċċaqlaq.

Rita stqarret li “jiena kull ma nixtieq, post isfel, dik ix-xewqa qabel immut.”

Qalet li disa’ snin ilu applikat mal-Awtorità tad-Djar biex tpartat l-appartament tagħha u ieħor fis-sular t’isfel. Rita qalet li xi drabi tħossha qed tgħix għalxejn b’sigħat twal fl-istess kamra fuq is-sodda, imma tibqa’ tittama li ssib xi ħadd jisma’ t-talba tagħha.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Sewwieqa li kienu għaddejjin minn Triq il-Buqana, limiti ta’ Ta’ Qali sabu ma’ wiċċhom ostaklu mhux tas-soltu. Filmat li rċieva TVM juri tajer jaqa’ minn fuq trakk li dan baqa’ tul…

Kultura

Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, riesaq lejn tmiemu proġett ikkumplikat li nvolva snin ta’ studji u xogħol għad-disinn u l-istallazzjoni ta’ sistema li tikkontrolla l-ambjent fil-kripta tal-Granmastri. Il-proġett qed jaċċerta li…

Kronaka

Karozza ħadet in-nar fi Triq Liedna, il-Fgura. Il-każ seħħ għall-ħabta tas-1am. Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jikkontrollaw in-nirien. Issejħet ukoll ambulanza iżda b’xorti tajba ħadd ma weġġa’.

Stejjer Umani

Bjorn Formosa reġa’ daħal l-isptar wara li 21 jum ilu għamel operazzjoni. Fuq Facebook, Bjorn qal li qed iħossu agħar minn qatt qabel u li qed iħossu bla nifs, stordut…

Aktar