COVID-19
ARA: “Illum aħna jmiss!” – mument leġġer qabel ħadu t-tilqima għall-Covid-19

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Mr Chris Fearne, dalgħodu ħa t-tilqima għall-Covid-19 f’avveniment li xxandar dirett fuq il-midja soċjali. Fl-istess waqt irċieva wkoll it-tilqima il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, it-Tabib Stephen Spiteri.

F’mument leġġer qabel ħadu t-tilqima, Mr Fearne irrifletta fuq kemm hu u l-kollega Dr Spiteri taw tilqimiet lin-nies tul il-karriera professjonali tagħhom fil-qasam tas-saħħa, bid-Deputat Prim Ministru jirrimarka “Illum aħna jmiss!”

F’diskors qasir wara li ħadu t-tilqima, id-Deputat Prim Ministru fakkar kif minn għada se jibda jingħata t-tilqim lill-ħaddiema fl-ispiżeriji privati, u se jibdew jirċievu wkoll l-ittri bi stedina għat-tilqima dawk kollha ‘l fuq minn 80 sena.

Huwa appella biex min jirċievi t-tilqima jafda fix-xjenza u mhux fis-superstizzjoni, u jmur jieħu t-tilqima. Appella wkoll lil kulħadd, kemm lil dawk li ħadu u dawk li għadhom ma ħadux it-tilqima, biex jibqgħu josservaw il-miżuri kollha kontra l-imxija tal-Covid.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa wkoll appella biex in-nies tieħu l-eżempju tiegħu u tad-Deputat Prim Ministru u tafda fil-vaċċin. Qal li inutli li jkun hemm ‘roll-out’ tat-tilqim jekk in-nies ma jeħduhx.