Infrastruttura
AĠĠORNAT: Inawgurati l-mini ta’ taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija

Inawgurati dalgħodu l-mini ta’ taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija b’nefqa ta’ €20 miljun.

Xufiera li kienu jgħaddu mir-roundabout ta’ Santa Lucija kienu jagħmlu bosta manuvri perikolużi biex isuqu mit-tliet toroq arterjali u tliet toroq oħrajn li jagħtu għal Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien. Madwar sena u nofs ilu, paru passu mal-proġett tal-Marsa Junction, beda x-xogħol fuq il-bini tal-mini biex flok jeħlu f’salib it-toroq il-vetturi jibqgħu għaddejjin dritt.

Il-mini ġodda b’erba’ korsiji jgħaqqdu Triq Tal-Barrani mat-Telgħa tal-Addolorata, qegħdin inaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar b’aktar minn 30%. Apparti li qed itaffu wkoll it-tniġġis mid-dħaħen u l-istorbju tal-konġestjoni li kienet toħloq ir-roundabout li kien hemm qabel.

Il-kuntratturi tal-proġett qattgħu aktar minn 80,000 tunnellata ta’ blat biex iffurmaw iż-żewġ mini, twal 90 metru ‘l waħda. Il-mini jingħaqdu ma’ Triq Tal-Barrani u Vjal Santa Luċija permezz ta’ żewġ rampi ta’ 130 metru. Erba’ tlajja u nżul oħrajn jgħaqqdu dawn iż-żewġ toroq mar-roundabout ġdida fuq l-istess mini.

F’kummenti ma’ Television Malta l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta l-inġinier Fredrick Azzopardi qal li minkejja l-isfidi kbar fosthom il-pandemija l-proġett mexa mal-miri u saħansitra tlesta qabel. “Ridna naċċertaw ruħna li mhux tagħlaq naħa u taffettwa n-naħa l-oħra, iżda jsiru ‘in parallel’ iżda kellna sfida għax dawn il-mini jgħaqqdu tliet lokalitajiet, u allura kien importanti bħala traffic management naraw li naffettwaw mill-anqas minn jgħaddi mill-akwati.”

Fl-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-proġett huwa xhieda tal-viżjoni tal-Gvern li jkompli jimmodernizza l-infrastruttura tal-pajjiż fi żmien stabbilit. Dr Abela li dan juri wkoll li l-Gvern skarta l-kultura ta’ medjokrità fi proġetti li qabel kienu jdumu għexieren ta’ snin biex jitlestew.

Irrimarka kif dan huwa proġett li se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies u bħala resident f’Ħal Tarxien kien ġarrab l-effetti negattivi tal-konġestjoni tat-traffiku fir-roundabout l-antika. Tenna l-impenn tal-Gvern biex ikompli għaddej b’proġetti oħra abmizzjuzi fin-nofsinhar ta’ Malta.

F’kummenti ma’ TVM il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern issa se jiffoka fuq it-trasport tal-massa u l-użu tal-vetturi tal-elettriku biex sal-2020 tintlaħaq il-mira li Malta tnaqqas l-emissjonijiet b’aktar minn 55%.

“Hemm l-istudji lesti diġà. Għadhom qed isiru studji oħrajn dan huwa proġett li aħna qed naraw ovvjament huwa proġett li jieħu aktar fit-tul u għalhekk dawn il-proġetti biex ikunu jistgħu jagħtuna aktar żmien meta ħa nmorru għall-viżjoni iżjed fit-tul inkunu nistgħu ngħaddu biex nimplimentawh. Inħares ukoll lejn electrification tal-vetturi pubbliċi kif ukoll vetturi privati irridu nagħmlu l-qalba u l-qalba din hija waħda mill-iżjed żewġ bidliet li nistgħu nagħmlu biex inkomplu nnaqqsu l-emissjonijiet f’pajjiżna.”

Il-Ministru tat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg, qal li dan il-Gvern kien ambizzjuż għax il-proġett kien ilu jissemma’ iżda qatt ma ra d-dawl tax-xemx. Żied jgħid li pajjiżna kien qed jitlef il-kompettività tiegħu minħabba l-problema tat-traffiku u bil-proġetti ta’ Infrastructure Malta l-ekonomisti qed jirrapportaw titjib sostanzjali.

Is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li dan huwa proġett li jaħseb fil-futur u jorbot mal-politika tal-Gvern f’infrastruttura moderna li tgħin biex jitnaqqas il-livell tal-karbonju.