Lokali
ARA: Inawgurati l-uffiċini ġodda għall-Avukat tal-Istat

Tlettax-il xahar mit-twaqqif tiegħu, l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat għandu l-binja tiegħu li ġiet inawgurata dalgħodu mill-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis. Dan l-Uffiċċju, immexxi mill-avukat Chris Soler, beda jopera f’Diċembru tal-2019 meta l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali nqasam fi tnejn u l-irwol tal-Avukat Ġenerali ma baqax ta’ konsulent ewlieni tal-Gvern – b’dan l-irwol ingħata lill-Avukat tal-Istat. Din is-separazzjoni tal-irwoli saret bħala parti mit-tisħiħ tas-saltna tad-dritt f’Malta.

Casa Scaglia fil-Belt Valletta, li sa ftit tax-xhur ilu kienet tilqa’ l-Kunsill Malti tal-Arti, illum hija l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat.

Fl-inawgurazzjoni ta’ dan l-Uffiċċju, l-avukat tal-istat Chris Soler li nħatar f’din il-kariga f’Ottubru li għadda, qal li l-fatt li din il-binja hija separata u distinta minn dik tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali hija riflessjoni tal-indipendenza kostituzzjonali tal-Uffiċċju li jmexxi hu. Huwa spjega li l-Avukat tal-Istat għandu l-obbligu li jissalvagwardja l-legalità tal-azzjonijiet tal-istat u jaġixxi fl-interess pubbliku.

”Aħna naħdmu fil-qasam ċivili, kostituzzjonali, amministrattiv, kontinentali jiġifieri fid-dritt komunitarju European Union law, qasam internazzjonali, jiġfieri fl-oqsma kollha ħlief dak li huwa l-qasam kriminali.”

L-avukat Soler qal lil TVM li bħalissa l-uffiċċju tiegħu għandu madwar elf u ħames mitt kontestazzjoni u każijiet pendenti fil-parti l-kbira fil-qrati Maltin, imma wkoll fi qrati oħrajn bħalma hija l-Qorti Ewropea fi Strasburgu.

Minn dan l-Uffiċċju jaħdmu mat-30 persuna, li nofshom huma avukati bil-pjan li jiżdiedu hekk kif wasal iż-żmien li jiġi konsolidat biex ikun aktar effiċċjenti u effettiv fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, qal li l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat beda jopera f’Diċembru tal-2019 meta l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali nqasam fi tnejn, bl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali assuma rwol ta’ prosekutur pubbliku.

”U se jibqa’ jieħu iktar poteri mill-pulizija eżekuttiva għal dak li huam prosekuzzjonijiet. L-avukat tal-istat huwa l-avukat tal-gvern. Huwa l-avukat fl-aħħar mill-aħħar taċ-ċittadin – tal-poplu Malti u Għawdxi u ridna li minbarra li nagħmlu l-leġiżlazzjoni u nagħtu l-poteri nagħtu dinjità lil dawn il-ħaddiema.”

Il-Ministru Zammit Lewis żied li kull liġi u kull regolament li jagħmlu l-Ministeri u l-Aġenziji jgħaddu mit-Taqsima tal-Legiżlazzjoni fi ħdan dan l-Uffiċċju qabel ma jiġu ppubblikati.

Fi ftit iktar minn sena kemm ilu mwaqqaf, l-Avukati tal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat irrappreżentaw lill-Gvern f’648 każ, u preżentaw 5,444 Att fil-Qorti. L-Avukat Chris Soler hu t-tieni avukat li qed jokkupa din il-kariga wara li Victoria Buttigieg irriżenjat biex inħatret fl-irwol ta’ Avukat Ġenerali.