Kronaka
ARA : Tfajla tmut f’inċident bil-mutur, involut trakk

Tfajla tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku li seħħ tard is-Sibt bil-lejl. It-tfajla, li hija Ġermaniża, kienet passiġġiera fuq mutur misjuq mis-sieħeb tagħha, ġuvni Malti.

Minn tagħrif li kiseb TVM minn fuq il-post ftit ħin biss wara li seħħ l-inċident, jirriżulta li l-mutur kien tiela’ Vjal Santa Luċija, mill-Marsa, fid-direzzjoni ta’ Santa Luċija għall-ħabta tal-11.00p.m. F’nofs it-telgħa, is-sewwieq tal-mutur tilef il-kontroll tiegħu minħabba li fit-triq kien hemm xi ġebel u żrar, bil-konsegwenza li l-ġuvni u t-tfajla, it-tnejn ta’ 23 sena, waqgħu minn fuq il-mutur.

Inzerta li f’dak il-ħin, warajhom eżatt kien hemm trakk, misjuq minn Sqalli ta’ 43 sena, li ma kellux ċans li jieqaf, bil-konsegwenza li laqat lit-tfajla u nqabdet taħt it-trakk.

 

Immedjatament issejħet l-għajnuna ta’ tim mediku min Mater Dei. Fuq il-post waslet ambulanza flimkien mat-Tabib Jonathan Joslin, iżda  sfortunatament it-tfajla ġiet ċċertifikata mejta fuq il-post. Is-sewwieq tal-mutur, li huwa pulizija, ma weġġax. Madankollu huwa deher fi stat ta’ xokk qawwi.

Qraba tas-sewwieq tal-mutur qalu lil TVM fuq il-post li l-ġuvni u t-tfajla ilhom joħorġu flimkien għal dawn l-aħħar seba’ xhur. It-tfajla ilha Malta madwar sena.

It-triq ingħalqet mill-ewwel għat-traffiku, fejn bdew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija mmexxija mill-Ispettur Sarah Zerafa mill-Għassa ta’ Raħal Ġdid. Il-Maġistrat tal-Għassa, Aaron Bugeja kien infurmat bl-inċident u ordna inkjesta. Huwa ħatar diversi esperti, fosthom it-Tabib Forensiku Mario Scerri, l-Espert Tekniku Mario Buttgieg, u l-Pulizija tal-Forensika.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Tifla ta’ 10 snin u mara ta’ 44 sena spiċċaw l-isptar wara ħabta fiż-Żejtun. L-inċident seħħ fi Triq tal-Barrani għall-ħabta tal-4pm bejn żewġ vetturi. Karozza minnhom kienet misjuqa minn mara…

Lokali

Fl-aħħar tletin sena, minn istitut f’Malta ta’ waħda mill-aġenziji speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Magħquda, iggradwaw ‘il fuq minn 1,000 professjonist fil-qasam marittimu li huma mfittxija għal pariri legali mill-gvernijiet u l-industrija. It-tletin…

Lokali

Il-Federazzjoni Maltija għall-Produtturi tal-Akwakultura qalet li tinsab ippreokkupata bl-għadd ta’ irjus ta’ tonn, karkassi u tonn sħiħ fi stat qawwi ta’ dekompozizzjoni li qed jiġi rrapurtat dan l-aħħar. Fi stqarrija,…

Droga

Maqbud u mkisser bil-vizzju tad-droga fi skiet ta’ daru anke ‘l bogħod minn għajnejn familtu, illum li temm il-kors tal-Caritas b’suċċess għat-tieni darba, Alfred (isem fittizju) jgħid li l-akbar rimors li…

Aktar