Lokali
Ara: “Inħaslu tlieta oħra qabel Ramiro…tiġġudikawx lill-ġenituri”

Għal Marilys Mallia, it-telfa ta’ binha Ramiro hija ġerħa li ma tfieq qatt. Sitt xhur u nofs mill-mewt ta’ binha fl-età ta’ 19-il sena, Marilys tgħid li jiddispjeċiha li wħud akkużaw lilha u lil żewġha li ħallew lil Ramiro jaħarbilhom minn idejhom bi traskuraġni.

Omm Ramiro fetħet qalbha dwar it-telfa ta’ binha f’intervista waqt il-programm ‘Kuxjenza’. Hija qalet li għall-kuntrarju ta’ dak li sostnew uħud, il-geyser tal-kamra tal-banju li sewa l-ħajja ta’ Ramiro ma kienx antik. Qalet, li kien ilu mwaħħal ġimgħa biss u li dakinhar li Ramiro tilef ħajtu nħaslu tlieta oħra qablu.

Marilys żiedet tgħid li t-tieqa u l-bieb tal-kamra tal-banju kienu miftuħin beraħ. Irrakkontat, li dakinhar li miet, Ramiro inzerta qiegħed id-dar waħdu. Iż-żagħżugħ daħal id-dar wara li lesta mix-xogħol u kien qed iħejji ruħu biex imur jiltaqa’ mat-tfajla tiegħu. Marilys qalet li lil Ramiro kellmitu għall-aħħar darba fuq l-għatba tal-bieb tad-dar.

Il-mamà ta’ Ramiro ddeskriviet lil binha bħala żagħżugħ ferrieħi immens, li kienet l-hena tiegħu jgħin lill-proxxmu.

Ramiro tilef ħajtu fit-23 ta’ Marzu li għadda wara li bela’ ammont sostanzjali ta’ gass tossiku mill-geyser li kien hemm fil-kamra tal-banju fi Triq Santa Katerina f’Ħal Qormi, fejn kien joqgħod.

‘Kuxjenza’ jixxandar kull nhar ta’ Ġimgħa fis-7pm fuq TVMNEWS+.