Lokali
Ara: Int ukoll tista’ tgħin fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni

Il-pubbliku wkoll jista’ jagħti daqqa t’id fil-ġlieda kontra l-iskjavitù moderna u t-traffikar tal-persuni.

F’dan l-isfond, l-Assoċjazzjoni tal-Bankiera Maltin, l-MBA fasslet filmat animat biex tħeġġeġ lill-pubbliku ma joqgħodx lura milli jikxef u jwaqqaf reati bħal dawn.

Il-filmat jispjega, fost l-oħrajn, li madwar id-dinja gruppi kriminali jaħtfu rġiel, nisa u tfal, u jagħmluhom skjavi biex jitraffikawhom lil hinn mill-fruntieri biex jiġu sfruttati f’pajjiżi oħra, fosthom f’Malta. Vittmi, li huma suġġetti għall-abbuż u l-vjolenza, li jinkludi stupru u torturi. Persuni, li jinżammu f’kundizzjonijiet inumani u jiġu mġiegħla jaħdmu għal paga baxxa jew saħansitra bla ħlas.

L-iskjavitù moderna u t-traffikar tal-persuni jiġġeneraw biljuni ta’ ewro, u huma fost l-akbar forom ta’ finanzjament illeċitu.

Jekk tiltaqa’ ma’ xi każ ta’ skjavitù moderna u traffikar tal-persuni ċempel lill-Korp tal-Pulizija fuq 119 jew lill-Aġenzija Appoġġ fuq 179. F’każ ta’ emerġenza, tista’ ċċempel fuq 112.