Lokali
Ara: intervent f’waqtu minn Pulizija jsalva raġel milli jwettaq suwiċidju fil-Belt – oħrajn iħeġġuh biex jaqbeż

Intervent f’waqtu minn għadd ta’ pulizija dalgħodu salva l-ħajja ta’ raġel barrani li kien qiegħed jippjana li jwettaq suwiċidju minn fuq is-sur tal-Belt Valletta.

Madankollu tul operazzjoni spikkaw kummenti xokkanti ta’ persuni li bdew iħeġġu lir-raġel biex jaqbeż minn fuq is-sur. Fl-istes waqt il-pulizija bdew jagħmlu ħilithom biex jikkonvinċu lir-raġel biex ibiddel ħsiebu.

Kien il-Ġimgħa filgħodu li l-Pulizija ssejħu fuq is-swar ta’ Hastings wara li ġew informati li kien hemm raġel li kien beħsiebu jagħmel suwiċidju. Huwa deher fi stat emozzjonali qawwi u beda jgħajjat mal-uffiċjali tal-pulizija u persuni oħrajn li wkoll bdew jipprovaw iżommuh kalm.

Wara aktar minn sagħtejn fuq is-swar, l-uffiċjali tal-pulizija rnexxielhom jipperswadu lir-raġel biex jinżel minn fuq is-sur. Evidenti l-emozzjoni fuq wiċċ il-pulizija li għannaq miegħu lir-raġel qabel ittieħed l-isptar Mater Dei.

Madankollu mhux l-istess kienet ir-reazzjoni ta’ persuni li kienu għaddejjin mill-inħawi li bħal donnhom bdew jiżżuffjettaw bih għax ma wettaqx is-suwiċidju.

Mara li nzertat għaddejja minn fuq il-post instemgħet tgħid “għaġġel u għamlu biex inkunu nistgħu mmorru lura x-xogħol” waqt li persuna oħra nstemgħet tgħidlu biex imur lura d-dar u jieqaf jaħli l-ħin ta-nies. Persuna oħra qaltlu li huwa imbarazzanti jekk ma jaqbiżx.

Jekk għaddej/ja minn sitwazzjonijiet diffiċli tista’ ċċempel fuq il-helpline ta’ Richmond Malta 1770