Lokali
ARA: Il-Bord ta’ Inkjesta jgħid li l-Istat għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-Bord tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kkonkluda li filwaqt li ma rriżultat ebda prova li l-Istat kellu xi rwol fl-assassinju ta’ Caruana Galizia, l-Istat għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-assassinju tagħha.

Ir-rapport li fih 437 paġna jgħid li l-istat ħoloq atmosfera ta’ impunità, ġenerata mill-ogħla livelli fil-qalba tal-amministrazzjoni f’Kastilja u bħal qarnita nfirxet għal entitajiet oħra bħal istituzzjonijiet regolatorji u l-Pulizija li wassal għal dak li sejjaħ bħala kollass tas-saltna tad-dritt.

Qal li li għalhekk l-istat u l-entitajiet li kkomponewh ma għarafx kif kellu jagħraf ir-riskju realti u immedjat, inklu’ mill-aġir kriminali ta’ terzi għall-ħajja ta’ Daphne Caruana Galizia. Qal li l-istat naqas milli jieħu miżuri fi ħdan il-firxa tas-setgħat tiegħu li b’ġudizzju raġonevoli, kien mistenni li jieħdu biex jevita dak ir-riskju.

Il-bord magħmul mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, l-Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro kien inħatar f’Novembru tal-2019, wara qbil bejn il-Gvern u l-familja Caruana Galizia biex fost oħrajn jiġi stabbilit jekk l-istat kienx repsonsabbli għall-qtil ta’ Caruana Galizia.

Fir-rapport jingħad li l-provi kollha jwasslu għall-konvinzjoni li l-qtil huwa intrinsikament marbut max-xogħol investigattiv ta’ Caruana Galizia, b’allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet u abbużi amministrattivi fit-twettiq ta’ proġetti ta’ żvilupp maġġuri li fihom kienu involuti elementi ta’ negozju kbir.

Qal li l-provi kollha quddiemu żvelaw kultura estiża ta’ impunità mhux biss għall-uffiċjali għolja fl-amministrazzjoni pubblika, inklużi persuni ta’ fiduċja, iżda wkoll għal ċirku ristrett ta’ politiċi, negozjanti u kriminali.

Il-bord qal li jeħtieġ li jittieħdu pasi biex jiġu mrażżna u rregolarizzati r-rabtiet bejn il-politika u negozjanti kbar li dejjem kienu jeżistu. Qal li dawn sabu l-aqwa żvog fil-politika ddikjarata tal-Gvern sa minn qabel l-2013 li l-amministrazzjoni pubblika kellha tkun business friendly. Il-Bord qal li ma jridx jgħaddi ġudizzja dwar din il-politika, li fi kliemu tista’ tkun pożittivia sakemm ma tiġix abbużata u applikata strettament fil-binarji tal-liġijiet applikabbli.

“Li tkun business friendly, m’għandu qatt ifisser li tkun money friendly, qal il-Bord waqt li sostna li l-amministrazzjoni pubblika hija obbligata li tħares is-saltna tad-dritt u m’għandha qatt tippermetti li l-kilba għall-flus u profitt għan-negozjant jew uffiċjal pubbliku ttappan il-korrettezza u l-governanza t-tajba.

Il-bord osserva li meta Caruana Galizia nqatlet kienet kritika tal-amministrazzjoni pubblika u r-rabtiet li kien hemm ma’ ċerti negozjanti fi twettiq ta’ proġetti.

Qal li din il-konfrontazzjoni laħqet il-qofol tagħha wara l-pubblikazzjoni tal-Panama Papers u 17 Black, meta l-bord qal li sar ovvju li Caruana Galizia kienet kisbet informazzjoni mill-aktar sensittiva li setgħet tippreġudika mhux biss il-pjanijiet ta’ dawk li kienu qed jieħdu vantaġġ mhux xieraq mill-proġetti li fihom kienu involuti, imma saħansitra l-istabbilità tal-Gvern.

Il-bord qal li r-reazzjoni politika kienet prinċipalment kampanja sostnuta ta’ attakki personali u għafsa ta’ morsa finanzjarja b’mezzi legali.

Żied li f’dan iż-żmien xi entitajiet tal-istat mhux biss naqsu mill-obbligu tagħhom li jipproteġu lil Daphne Caruana Galizia imma kien hemm persuni f’entitajiet tal-istat li aġixxew b’mod li ppreġudikawlha d-dritt li teżerċita l-professjoni tagħha.

Il-bord qal li kemm elementi fil-poter politiku kif ukoll fin-negozju kellhom l-istess interess biex il-kitba ta’ Caruana Galizia tiġi newtralizzata, iżda ċċara li m’hemm l-ebda prova tal-involviment tal-amministrazzjoni pubblika fl-eżekuzzjoni tal-qtil.

Qal li minflok, il-kampanja kontriha f’xenarju ta’ impunità ħolqot il-klima biex min ried jeliminaha seta’ jagħmel hekk bl-inqas konsegwenzi. Qal li l-pjan wassal għal iżolament tal-ġurnalista f’mument meta sfat ukoll fil-mira tal-kap tal-oppożizzjoni.

B’referenza għall-kitba ta’ Daphne Caruana Galizia wara draft ta’ rapport tal-F.I.A.U., li żvela allegazzjoni ta’ rabta mill-qrib bejn in-negozju u persuni fl-amministrazzjoni pubblika, intqal hekk: “Għall-Bord dan hu l-mument li fih issawret il-ħtieġa li Daphne Caruana Galizia tiġi mrażżna u msikkta, mhux għal raġuni politika, imma għaliex kienet qiegħda teħodha kontra interessi finanzjarji qawwija (…)”

Il-bord jirreferi għal dik li sejjaħ inattività letarġika tal-istituzzjonijiet biex ma jiġux investigati allegazzjonijiet serji ta’ ksur ta’ liġi kriminali u allegazzjonijiet ta’ amministrazzjoni pubblika ħażina.

Il-Bord saħaq li hu sodisfatt mill-provi illi dan hu delitt kommess għall-flus u fuq kommissjoni, u li min wettqu ma kellu l-ebda interess personali li jeliminaha.

Il-Bord jgħid li l-ex Prim Ministru Muscat għandu responsabbiltà indiretta

Il-Bord qal li l-ex Prim Ministru Joseph Muscat għandu responsabbiltà indiretta għal dak li ġara, minħabba li ma ħax passi serji fil-konfront tal-ex Chief of Staff Keith Schembri u l-ex Ministru Konrad Mizzi meta ġew implikati fil-Panama Papers, u speċjalment meta ddeċieda li jibqa’ jżommhom fil-kariga wara l-pubblikazzjoni dwar 17 Black. Qal li d-deċiżjonijiet tal-eks Prim Ministru, flimkien mal-fiduċja espressa mill-Parlament, saħħew il-kultura ta’ impunità.

Il-Bord ma jqisx li l-istat kien immexxi minn organizzazzjoni mafjuża

Rigward it-tieni terminu ta’ referenza, il-Bord iddikjara li ma jistax jikkwalifika l-iżviluppi li seħħew bħala l-ħolqien ta’ Stat immexxi minn organizzazzjoni mafjuża, però jgħid li hemm indikazzjonijiet li dak li seħħ kien qed iqarreb il-pajjiż għal sitwazzjoni bħal din.

Qal li hemm indikazzjonijiet li qed jittieħdu miżuri biex jissaħħu l-istituzzjonijiet u biex tiġi rripristinata s-saltna tad-dritt. Il-Bord irrikonoxxa r-riformi leġiżlattivi li saru fl-aħħar xhur għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, u qal li dawn għandhom ikomplu jsiru.

Qal iżda li l-fatt li jsiru r-riformi ma jaħfirx l-iżbalji li saru, u min ikkommetta reati u min abbuża mill-poter għandu jiġi investigat u jħallas għal għemilu. Qal li r-responsabbilità tal-Ministeru tal-Ġustizzja mhijiex biss li jiġi assigurat li jsiru riformi fil-liġijiet, iżda fuq kollox li jiggarantixxi s-saltna tad-dritt.

L-Istat ma wettaqx l-obbligu li jipproteġi l-ħajja tal-ġurnalista

Fir-rigward tat-tielet terminu ta’ referenza, il-Bord ikkonkluda li l-istat ma wettaqx l-obbligu li jieħu miżuri operazzjonali ta’ prevenzjoni biex jipproteġi l-ħajja tal-ġurnalista. Il-Bord qal li ma jeżistix protokol dwar kif il-Pulizija għandhom jirreaġixxu biex jipproteġu persuni li jkunu f’riskju personali minn atti kriminali, u din hija diskrezzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija.

 

https://platform.twitter.com/widgets.js

https://platform.twitter.com/widgets.js

 

Inkjesta Pubblika