Lokali
ARA: Iqumu kollha jċapċpu għall-kantanta Maltija Amy fi BGT

Il-kantanta Maltija Amy Marie Borg saħħret lill-udjenza u lill-ġurija waqt il-prova tagħha fuq il-programm Britain’s Got Talent.

L-audition ta’ Amy, li għandha 16-il sena, ixxandret ilbieraħ filgħaxija. Amy, li ħadet sehem ukoll fil-Malta JESC fl-2015, kienet viżibbilment eċitata meta telgħet fuq il-palk ta’ BGT.

Hija qalet li hija Maltija, iżda li għandha qraba li jgħixu f’Manchester. Spjegat li tħobb tkanta fil-musicals u qalet li din hija xi ħaġa li tixtieq tibqa’ tagħmel.

Minkejja li l-emozzjoni kienet evidenti anki waqt li bdiet tkanta, dan ma waqqafiex milli twassal il-vuċi b’saħħitha tagħha permezz ta’ silta operistika.

Ħu Amy, li kien fl-udjenza, deher emozzjonat waqt li oħtu kienet qed tkanta. Ma kienx waħdu, għax iċ-ċapċip għal Amy beda qabel ma kienet għadha spiċċat.

Fl-aħħar sala sħiħa qamet bilwieqfa biex tagħti l-istanding ovation mistħoqqa lil Amy, li naturalment kisbet l-iva mingħand l-erba’ ġurati u għaddiet għall-fażi li jmiss.

Intant, illejla TVM se jkun qiegħed ixandar intervista esklussiva ma’ Amy.

Ara wkoll:

Kantanta Maltija timpressjona lill-ġurija fuq Britain’s Got Talent