Infrastruttura
ARA: Ir-regolamenti l-ġodda dwar il-kostruzzjoni għall-konsultazzjoni

Fil-bidu ta’ ġimgħa oħra, l-industrija tal-kostruzzjoni tibqa’ fuq l-aġenda nazzjonali.

F’miżura ta’ emerġenza, il-Gvern ippubblika regolamenti ġodda dwar xogħol ta’ bini u skavar, qabel ma titwaqqaf awtorità ġdida għall-bini u l-kostruzzjoni, b’liġi li qed tiġi abbozzata. Ir-regolamenti huma maħsuba li jiżguraw li xogħol ta’ skavar u kostruzzjoni jitwettaq b’mod sikur, kemm għall-ħaddiema u anke għal persuni oħra fosthom residenti li joqogħdu ħdejn siti tal-kostruzzjoni.

Il-Gvern qed jilqa’ kummenti tal-pubbliku dwar ir-regolamenti ġodda dwar xogħol ta’ bini u skavar sa nhar il-Ġimgħa, biex il-ġimgħa ta’ wara jittellgħu fuq l-aġenda tal-Kabinett li għandu japprova l-verżjoni finali u jidħlu fis-seħħ minnufih. Meta jiġri hekk, ikun jista’ jitkompla x-xogħol ta’ twaqqigħ u skavar li jinsab wieqaf b’deċiżjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat wara għadd ta’ inċidenti li seħħew f’siti ta’ kostruzzjoni li anke affettwaw lill-ġirien. F’kummenti dwar l-abbozz tar-regolamenti, il-Prim Ministru Muscat qal li dawn iridu jindirizzaw realtà għax l-industrija kibret ferm aktar minn kemm jifilħu jgħassu istituzzjonijiet governattivi.

“Li qegħdin nagħmlu hu li nagħlqu l-ventilaturi biex imbagħad il-ħmar ma jwaħħalx f’denbu u l-affarijiet ikunu ċari ħafna. Se jkun hemm deċiżjonijiet li rridu nieħdu f’dan ir-rigward. Il-messaġġ hu fl-aħħar mill-aħħar li l-Gvern u l-awtoritajiet iridu jkunu hemmhekk bħala enforcement u jaraw li l-liġijiet jitwettqu imma min għandu responsabbiltà jrid iġorrha.”

Skont il-proposti, bl-emendi fil-liġi, kull żviluppatur irid jaħtar manager responsabblità mis-sit li jrid jara li dak propost mill-perit bħala metodu ta’ twaqqigħ u skavar jiġi implimentat u jrid jiddikjara li se jieħu r-responsabilit li jitolbu r-regolamenti. Is-site manager ma jistax jibqa’ jkun min ikun. L-abbozz tar-regolamenti jipproponi li din ir-responsabbiltà tintrefa’ mill-perit tal-proġett jew jista’ jinnomina persuna oħra kompetenenti tal-fiduċja tiegħu. Il-manager inkarigat mix-xogħol fuq is-sit irid ikun fuq il-post meta jittieħdu deċiżjonijiet importanti u meta jkun qed isir ċertu skavar. Irid jattendi wkoll meta jsir aċċess fi proprjetajiet tal-ġirien biex isir rapport dwar il-kundizzjoni ta’ dawn il-postijiet.

L-abbozz tar-regolamenti jesiġi li qabel isir kull xogħol ta’ skavar isiru studji ġeoloġiċi u ġeotekniċi. Ir-responsabbilà ta’ rapport ġeotekniku hi tal-perit li jkun kitbu li jrid jara t-tip ta’ blat, il-karatteristiċi u s-saħħa tiegħu kif ukoll l-istruttura tal-bini tal-madwar. Ir-regolamenti proposti jgħidu li hu biss wara din l-analiżi li l-perit ikun f’pożizzjoni jindika x’makkinarju jista’ jintuża u x’miżuri għandhom jittieħdu waqt l-iskavar.

Id-dikjarazzjoni dwar kif se jsir ix-xogħol trid tkun pubblikata fuq l-internet mill-anqas ġimagħtejn qabel jibdew ix-xogħlijiet, bil-ħsieb li l-pubbliku ikun infurmat u jkun jista’ jitlob li jitwaqqaf ix-xogħol jekk ma jkunx qed isir skont dak iddikjarat.

Min ma jimxix mar-regolamenti jew mal-metodu kif kellu jsir ix-xogħol, jista’ jeħel multa sa €10,000. Sal-lum, il-multa f’dawn il-każi kienet ta’ €500. U għal min jinjora avviż biex iwaqqaf ix-xogħol, il-multi żdiedu minn €1,200 għal €50,000.

Il-polza tal-assikurazzjoni li sal-lum tkopri sa nofs miljun Ewro, qed ikun propost li togħla għal tliet kwarti ta’ miljun ewro u trid tibqa’ tiġi mġedda sa meta l-perit inkarigat mill-proġett jiċċertifika t-tlestija tal-proġett mit-twaqqigħ sal-bini.

Jekk għandek xi proposta dwar ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li tixtieq tressaq tista’ tibgħatha hawn. Sadanittant, tista’ tara l-emendi proposti f’iktar dettall hawn: EMENDI AL72_13 UPDATE 17061901

Aħbarijiet Oħra
Politika

Fl-isfond ta’ dawn l-iżviluppi, il-President George Vella kellu laqgħat separati mal-Prim Ministru Joseph Muscat u mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fil-Palazz ta’ San Anton. Il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li Dr…

Kisbiet

Tifel Għawdxi ta’ tmien snin dalgħodu sfida l-baħar qawwi meta għamel għawma minn Kemmuna għal Għawdex f’inqas minn siegħa. Liam Daly għamel din l-għawma biex iqanqal iktar għarfien dwar il-ħsara…

Riċerka u Innovazzjoni

Il-Malta Enterprise u ċ-Ċentru dwar ir-Riċerka tal-Kannabis tal-Università McGill iffirmaw ftehim għall-kollaborazzjoni fil-qasam tal-kannabis mediċinali. Il-Malta Enterprise u l-Università McGill tal-Kanada ffirmaw memorandum of understanding għall-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka dwar il-mediċina…

Qorti

Ċittadin Amerikan li joqgħod tas-Sliema ġie ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta l-akkużi li għamel b’kemm jiswew €72,000 fi ħsara f’żewġ lukandi f’San Ġiljan u fir-residenza…

Aktar