Lokali
ARA: Ir-Robot Tommy li se jakkumpanja tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu fl-iskola

Iċ-Ċentru għal-Litteriżmu fl-Università ser ikollu tliet robots soċjali maħsuba li jassistu fit-tagħlim lil tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu. Robots soċjali ma jieħdux post l-għalliema imma jkunu kumpanija għat-tfal u jgħinuhom fl-iżvilupp tal-lingwa, fl-interazzjoni u l-kommunikazzjoni tagħhom, u l-kisba ta’ ħiliet ġenerali ta’ litteriżmu. Ix-xiri ta’ din is-sistema robotika sabet l-appoġġ tal-Aġenzija Residenza Malta li allokat fondi għar-riċerka u l-iżvilupp meħtieġ/ Is-servizz li jmiss ilaqqagħna mal-ewwel minn dawn it-tliet robots: Tommy.

“Good morning everybody, I am Tommy and I am a social robot”

Tommy r-robot se jakkumpanja lil tfal f’etajiet bejn is-7 u l-10 snin, speċjalment lil dawk fl-ispettru tal-awtiżmu, fil-mixja tagħhom ta’ tagħlim.

Id-direttur taċ-Ċentru għal-Litteriżmu fl-Università, il-Professur Charles Mifsud, spjega li riċerka internazzjonali turi li robots soċjali bħal dan jintużaw b’mod effettiv ma’ tfal b’diffikultajiet fit-tagħlim. Saħaq li l-għan tiegħu mhux li jkun sostitut għall-għalliema jew il-ġenituri.

“Tommy għandu ħafna paċenzja jieħu gost jilgħab ħafna mat-tfal, jaf jistenna, allura hemm lok li bil-paċenzja tiegħu, bil-kreattività tiegħu jimmotiva lit-tfal biex jinteressaw ruħhom iktar f’dak li qed isir bħala tagħlim u għalhekk iwassal li l-programmi edukattivi tagħna jkunu aktar effettivi.”

Il-Professur Mifsud spjega li l-proġett pilota se jibda ma’ gruppi żgħar ta’ tfal fiċ-Ċentru tal-Litteriżmu u f’ambjent informali biex eventwalment jiġi introdott fil-klassi.

Il-proġett ta’ sentejn għandu l-għan jistudja aspetti differenti ta’ kif imorru flimkien il-bnedmin u r-robots.

Dan il-proġett huwa ffinanzjat mill-Aġenzija Residenza Malta li allokat 85,000 ewro fuq medda ta’ sentejn għar-riċerka u l-iżvilupp tal-proġett li se jibda b’mod immedjat. Il-pjan hu li jinxtraw tliet robots bħal Tommy.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat, qal li b’dan il-proġett Residenza Malta qed tinvesti fl-aħħar teknoloġija biex it-tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu jitħajru jitgħallmu aktar. Żied li l-aġenzija qed tinvesti f’inizjattivi oħra marbuta mal-edukazzjoni u b’hekk il-ġid li toħloq twasslu fil-komunità.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Residenza Malta, Charles Mizzi, irrimarka li dan il-proġett jaqbel mal-valuri tal-aġenzija.