Unjoni Ewropea
ARA: Is-sena d-dieħla Malta se tilqa’ l-laqgħa tal-grupp Arraiolos

Il-President George Vella ħabbar li s-sena d-dieħla, il-15-il President mhux eżekuttiv tal-Unjoni Ewropea, se jiltaqgħu f’Malta.

Dr Vella qal dan fi tmiem il-laqgħa tal-Grupp Arraiolos li saret fil-Palazz Quirinale f’Ruma. Fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-lum, il-15-il Presidenti kellhom l-awtonomija ta’ pajjiżi fl-UE, il-Covid u s-sitwazzjoni fl-Afganistan, fost affarijiet oħra.

Matul il-ġurnata tal-Erbgħa saret is-16-il laqgħa informali tal-Grupp Arraiolos. Għal din il-laqgħa ħadu sehem Presidenti minn 15-il pajjiż fl-Unjoni Ewropea. Preżenti l-President ta’ Malta George Vella. Il-pajjiżi l-oħra li jieħdu sehem f’din il-laqgħa huma l-Italja, il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, il-Kroazja, il-Litwanja, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja u l-Finlandja.

F’konferenza tal-ahbarijiet li saret wara ż-żewġ sessjonijiet ta’ din il-laqgħa tal-Grupp Arraiolos, il-President ta’ Malta George Vella ħabbar li l-laqgħa li jmiss tal-Presidenti li jiltaqgħu ghall-Arraiolos se ssir Malta fil-ħarifa tas-sena d-dieħla.

Fost it-temi diskussi fil-laqgħa tal-Arraiolos kien hemm il-Covid, il-multilateraliżmu u l-awtonomija tal-pajjiż fi ħdan l-UE, fost affarijiet oħra.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet George Vella qal li l-għażla tat-temi għal din il-laqgħa tal-Arraiolos kienet rilevanti ħafna għal dak li għaddejjin minnu l-pajjiżi Ewropej.

Il-President Taljan, Sergio Mattarella, li pajjiżu kien qed jilqa’ din il-laqgħa, qal li l-impenn tal-15-il Presidenti Ewropej preżenti hu li jagħtu tweġiba lil min qed isaqsi x’sar minnha l-UE.

Il-laqgħa tal-Grupp Arraiolos kienet bdiet fuq inizjattiva tal-eks President tal-Portugall Jorge Sampaio fl-2003, wara l-ewwel laqgħa fil-belt Portugiża ta’ Arraiolos.

Għal din iż-żjara uffiċjali l-President George Vella qed ikun akkumpanjat mis-sinjura Vella u l-Ambaxxatur ta’ Malta fl-Italja Carmel Vassallo.

Ara hawn id-diskors sħiħ tal-President Vella d’Ruma: