Agrikultura
ARA: Is-swieq tal-bdiewa f’Ta’ Qali u l-Birgu għadhom imfittxija

Il-bdiewa bdew ibigħu l-prodotti tagħhom minn Ta’ Qali fl-2010. Illum f’dan is-suq hemm mal-erbgħin posta li minnhom jinbiegħu mhux biss ħaxix u frott, iżda wkoll prodotti lokali mit-tiġieġ sal-inbid u mill-ħut sal-laħam tal-majjal.

Bi kważi disa’ snin mindu bdew ibigħu l-prodotti tagħhom mis-suq tal-bdiewa f’Ta’ Qali, il-bdiewa li jarmaw fih saru jafu aħjar il-gosti tal-konsumaturi u jipproduċu l-aktar dak li jridu jbigħu direttament lill-konsumaturi.

“Aħna drajna issa li nkabbru skont kemm nikkunsmaw ġo dan is-suq u kemm jista’ jkun fuq il-mejda jkolli display ta’ ħafna affarijiet għax vera, mhux se nieħdu għal xulxin jekk inti tiġi tixtri karrotti minn għandi u tmur tieħu l-qarabagħli m’għand xi ħadd ieħor, imma mbagħad hawn ħafna li jkunu jridu jixtru mingħand l-istess bidwi,” spjegat Anna Zahra, bidwija u kordinatur tal-bdiewa.

Anna Zahra, minbarra li taqla’ l-għajxien tagħha u tal-familja tagħha mir-raba’, tikkordina l-erbgħin bidwi li jarmaw f’dan is-suq, li minbarra s-Sibt jarma wkoll kull nhar ta’ Tlieta.

“Nhar ta’ Sibt qisu n-nies titla’ aktar bi ħġara, għandek iktar nies u ta’ min jgħid li s-Sibt għandek il-part time farmers jiġu wkoll għax ta’ min jgħid li nhar ta’ Tlieta nkunu inqas bdiewa għax il-part timers, sintendi, la jkunu jaħdmu ma jiġux it-Tlieta, u jiġu s-Sibt biss.”

F’ Ta’ Qali ma jinbigħux biss frott u ħaxix imma wkoll prodotti oħra bħal majjal, tiġieġ u bajd, fniek, ħut, inbid, ħobż u ġbejniet. Il-kriterju ewlieni hu li l-prodott għall-bejgħ ikun lokali u frisk, maqtugħ f’inqas minn 24 siegħa. U din hija waħda mir-raġunijiet ewlenin għal xiex ħafna jagħżlu li jixtru direttament minn idejn il-bidwi. Hemm iżda fehmiet differenti dwar il-prezzijiet.

Fil-Birgu jarma suq ieħor tal-bdiewa, li hu iżgħar fid-daqs imma daqstant ieħor imfittex mill-konsumaturi tal-inħawi. Televison Malta żar dan is-suq għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħodu, meta l-bdiewa kienu prattikament biegħu l-prodotti kollha tagħhom. F’dan is-suq, li nfetaħ kważi sitt snin ilu, jarmaw mat-tmien bdiewa-bejjiegħa li qalu li l-bejgħ hawnhekk ikun fl-aqwa tiegħu mas-sebħ – għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħodu.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Mandy Vella li għandha 24 sena biss qed tgħix bi tbatija kbira minħabba li tbati b’Cystic Fibrosis. Hija tgħid li din qed taffettwalha l-pulmun u l-firxa, tbati bil-qtugħ ta’ nifs…

Avjazzjoni

Fl-istorja Maltija tal-avvjazzjoni, l-1969 ma kinitx l-isbaħ paġna. F’temp ta’ tliet xhur, nofs seklu ilu, seħħew żewġ disgrazzji tal-ajru b’ajruplani militari. L-istorja tagħhom hija fost kważi elf inċident tal-ajruplan li…

Lokali

Il-Fondazzjoni Blue Light, imwaqqfa mis-Surġent Simon Schembri mistennija tiftaħ l-ewwel dar tagħha biex tilqa’ fiha uffiċjali tal-forzi dixxiplinati li jweġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Il-Ħadd filgħodu f’Ħal Safi saret attività…

Għawdex

Dalgħodu f’Dar Arka, Għajnsielem, saret quddiesa mmexxija mill-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech bħala talba ta’ radd il-ħajr lil Alla fi tmiem il-mandat tal-President Marie-Louise Coleiro Preca. Fi kliem il-President, l-Ewkaristija…

Aktar