Barranin
ARA: Isalva tifel bi żbrixx qabel ma tgħaffeġ minn ferrovija

Ħaddiem ta’ linja ferrovjarja fl-Indja rriskja ħajtu biex isalva tifel żgħir li kien se jitgħaffeġ minn ferrovija.

Kien irrapportat li t-tifel ta’ 6 snin kien miexi m’ommu, li hija nieqsa mid-dawl. Dawn jidhru qed jimxu fit-tarf tal-pjattaforma, b’konsegwenza li t-tifel waqa’ fuq il-binarji.

L-omm tidher qed tfittex lil binha, waqt li t-tifel iqum minn fuq il-linji u jixxabbat biex jipprova jitla’ lura fuq il-pjattaforma, li iżda hija wisq għolja għalih.

Min-naħa l-oħra jidher jiġri raġel fuq il-binarji, li ħataf lit-tifel u tefgħu fuq il-pjattaforma, u tela’ jiġri warajh. Żewġ sekondi wara għaddiet il-ferrovija mill-post li kienu fuqu.

Ir-raġel kien identifikat bħala Mayur Shelke; ħaddiem fl-istazzjon ta’ Vangani fl-istat Maharashtra. Indian Railways qalet li hija kburija li għandha ħaddiema bħalu, u faħħret il-qlubija tiegħu u d-dedikazzjoni għal xogħlu.