Lokali
ARA: Issa tista’ dduq prodotti mill-forn famuż tal-ħabs

F’Malta hawn ħafna fran li huma magħrufa għat-tjubija tal-prodotti tagħhom. Wieħed minnhom jinsab f’Kordin u hu esklussiv għal ftit aktar minn elf persuna.

Qed nirreferu għall-forn tal-ħabs li mis-Sibt li ġej u kull tmiem il-ġimgħa tar-Randan, il-pubbliku se jista’ jduq il-prodotti ġenwini tiegħu bħal ħobż tal-Malti, il-qagħaq tal-ħmira u l-famużi qagħaq tal-appostli.

Il-forn tal-ħabs huwa magħruf sew għall-furnati tiegħu. Ġie inawgurat 44 sena ilu biex fih jinħmew il-ħobż għar-residenti u l-ħaddiema tal-faċilità u fl-istess waqt jipprovdi taħriġ lill-pruġinieri li jkunu jridu jiksbu esperjenza pożittiva waqt li qed jiskontaw is-sentenza tagħhom.

Bħalissa kuljum fil-forn tal-ħabs ikun hemm madwar għaxar priġunieri li minn qabel sbieħ ix-xemx jmiddu jdejhom biex b’madwar 8 xkejjer dqiq jaħmu madwar 300 ħobża tal-Malti u 200 ħobż imqatta’.

Għas-sitt ġimgħat li ġejjin l-għadd ta’ priġunieri fil-forn mistenni jirdoppja għaliex id-domanda u l-furnati se jiżdiedu b’mod konsiderevoli kif spjegalna l-Kap tal-Amministrazzjoni u l-Operat tal-faċilità korrettiva, Randolph Spiteri.

“Matul is-snin il-forn tal-ħabs kien ibigħ il-qagħaq tal-appostli u kien isir fil-ġimgħa tal-Ġimgħa l-Kbira imma kien ikun hawn ħafna nies u din is-sena ħadna l-inizjattiva illi nagħmluha fil-weekends kollha tar-Randan, jiġifieri se nibdew fl-20 ta’ Frar, kull weekend tar-Randan imbagħad il-ġimgħa tal-Ġimgħa l-Kbira tkun il-ġimgħa sħiħa.”

Barra l-bini tal-Faċilità se tintrema’ tinda li minn taħtha l-uffiċjali korrettivi se jbigħu ħobż tal-Malti, qagħaq tal-ħmira u l-qagħaq tal-Appostli. Is-Sur Spiteri qal li l-flus mill-bejgħ kollu se jingħata lill-priġunieri li jmiddu jdejhom biex ikunu inċentivati jkomplu jsaħħu l-ħiliet tagħhom.

“Mhux inħalluhom fid-divisions ma jagħmlu xejn imma huma stess ikunu qed jaħdmu u magħhom inpoġġulhom nies li m’għandhomx ħiliet u snajja biex wieħed jgħallem lill-ieħor”.

Fil-faċilità korrettiva bħalissa hemm madwar 900 priġunier u l-forn jintuża wkoll għall-ħobż li jittiekel mir-residenti taż-żewġ faċilitajiet l-oħrajn fit-taqsima forensika f’Ħ’Attard u fil-YOURS tal-Imtaħleb fejn jinżammu l-minorenni.