Lokali
ARA: It-tabib li salva tarbija biex ma tinqatgħalhiex vina minn moħħha

Erba’ pazjenti Maltin f’dawn l-aħħar jiem ġew operati fl-Isptar Mater Dei minflok intbagħtu l-Ingilterra għal operazzjoni delikata ħafna f’moħħhom. L-operazzjonijiet speċjalizzati saru min-newrologu l-Professur Steve Cordina, li ġie apposta mill-Istati Uniti fejn ilu jopera hemmhekk għal dawn l-aħħar 14-il sena.

Kull 6 xhur, in-newrologu Għawdxi Steve Cordina, jiġi Malta mill-Amerka biex jagħmel operazzjonijiet delikati fl-arterji tal-moħħ fuq pazjenti li jkunu fir-riskju serju ta’ emorraġija fir-ras minħabba kundizzjoni magħrufa bħala anewriżma.

“Anewriżma hija meta jkollok arterja li dieħla ġol-moħħ li għal xi raġuni jew oħra tibda tespandi u tinfetaħ qisha bużżieqa u kultant din ikollha problema għax jibda joħroġ id-demm minnha u tinfaqa’. Titla’ ħafna l-pressjoni ġor-ras u jekk jiġri hekk tista’ tmut, u jekk ma tmutx ikollok puplesiji li jikkawżaw dan id-demm kollu. Barra minn hekk, tibda tintefaħ ir-ras u jista’ jkollok mewt,” spjega Prof Cordina.

Il-Professur Cordina qal li din hija kundizzjoni serja tant li f’terz tal-pazjenti tkun fatali. Spjega li din il-kundizzjoni tista’ tkun ittrattata b’operazzjoni ta’ madwar 3 sigħat.

“Ġeneralment nidħlu mill-groin jiġifieri bħalma tagħmel l-angiogram tal-qalb ħafna drabi jew mill-groin jew mill-polz, aħna ġeneralment nagħmluha mill-groin u tibqa’ tiela’ sal-għonq u tidħol ġor-ras minn hemm, u l-apparat u l-materjal li għandek bżonn jgħaddu minn ġo dan il-catheter li għaddej mill-groin, tagħmel angiogram u tfejjaq l-anewriżma.”

Il-Professur Cordina qal li fil-maġġoranza tagħhom, il-pazjenti jirkupraw mill-operazzjoni malajr tant li jintbagħtu d-dar mill-għada. Huwa qal li l-kundizzjoni tista’ tintiret u tiġi kkawżata l-aktar bit-tipjip. “Huwa fatt li hawn aktar nies li għandhom l-anewriżmi milli nafu aħna għax mhux kulħadd ovvjament qed jiġi skrinjat.”

Il-Professur Cordina, li jiġi Malta apposta biex jagħmel dawn l-operazzjonijiet, qal li fl-aħħar sentejn għamel 13-il operazzjoni minn dawn fuq pazjenti Maltin, biex b’hekk evitaw li jmorru għall-kura fl-Ingilterra.

Il-maġġoranza tal-operazzjonijiet li għamel il-Professur Cordina, għamilhom fl-Istati Uniti fejn ilu jgħix għal dawn l-aħħar 14-il sena. Semmielna esperjenza li kellu dan l-aħħar ma’ persuna ta’ seba’ snin li tarmi s-saħħa, li kien operaha meta kienet tarbija għax kienet se tinqatgħalha vina minn rasha.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Pierre Portelli dar għall-mezzi soċjali u kiteb li l-Membru Parlamentari Nazzjonalista Karol Aquilina akkumpanja lil Manuel Delia l-Qorti fil-każ li għandu kontra l-midja tal-Partit Nazzjonalista. Dalgħodu fil-qorti kompliet il-kawża li…

Infrastruttura

Il-Kamra tal-Periti f’reazzjoni inizjali għal proposti għar-regoli l-ġodda dwar it-twaqqigħ u l-iskavar qalet li dawn mhumiex aċċettabbli u infurmat lil Periti bil-pożizzjoni tagħha biex tittieħed deċiżjoni dwarhom f’laqgħa ġenerali straordinarja…

Saħħa

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura s-Sala San Ġorġ Preca, waħda mill-ewwel swali li ġiet irranġata bħala parti mill-istrateġija ta’ għaxar snin għas-saħħa mentali. Minn għada din…

Aktar