Ara: It-Tieni Gwerra Dinjija kif qatt ma rajtha – “Malta fil-Gwerra” mill-ġimgħa d-dieħla fuq TVM

Fis-snin 40 tas-seklu 20 il-ħajja f’Malta nbidlet f’leħħa ta’ berqa. Qalb id-daqq tas-sireni, xita ta’ bombi, u bejn ġirja u oħra minn u lejn ix-xelters, għexieren ta’ eluf ta’ Maltin batew il-ġuħ u l-għaks. Fil-jiem qliel tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-Maltin taw kollox. Bosta baqgħu taħtha; oħrajn kellhom jerġgħu jibdew jibnu ħajjithom mill-ġdid.

75 sena minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, fil-ġimgħat li ġejjin, Television Malta se jkun qed jipproponi dokumentarju ġdid: “Malta fil-Gwerra: Miti, Fatti u Propaganda”. Id-dokumentarju huwa mibni fuq ir-rakkonti ta’ persuni li għexu t-Tieni Gwerra Dinjija b’riċerka li saret f’dokumenti storiċi, rapporti u gazzetti tal-epoka. Jinkludi wkoll filmati esklussivi li se jkunu qed jidhru għall-ewwel darba.

Ħafna mill-filmati li se jkunu qed jintwerew għall-ewwel darba nġibdu minn Stan Fraser, gunner Ingliż stazzjonat f’Malta mar-reġiment tiegħu bejn l-1941 u l-1943. Fraser iddokumenta l-ħidma tar-reġiment li kien jifforma parti minnu bil-filmati juru l-ħbit tal-għadu mill-ajru, id-difiża ta’ Malta bil-kanuni u mumenti oħra tal-gwerra. Fraser ġibed ukoll filmati li jiddokumentaw il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin waqt l-assedju: mit-tfal jiġru barra u jilagħbu bil-ballun qalb it-tifrik tal-ibliet fl-inħawi tal-Port il-Kbir, sar-raħħala Għawdxin li kienu baqgħu jaħdmu u jaħżnu l-qmuħ u li eventwalment, bl-intervent tal-Isqof Mikiel Gonzi, tqassmu ma’ Malta kollha meta vera kien hemm bżonn. Il-filmati huma parti minn The Stan Fraser Film Collection (Cine Footage 1940-1945) bil-korteżija ta’ Veronica Galea.

Filmati oħra ġew ipprovduti mill-kollezzjoni ta’ Fondazzjoni Wirt Artna u mill-proġett Audio-Visual Memories tal-PBS.

Primarjament id-dokumentarju se jkun qed ifittex x’inhi l-verità dwar numru ta’ miti li jafu l-bidu tagħhom fil-gwerra sforz il-propaganda li saret. Hekk per eżempju, l-ewwel episodju tad-dokumentarju se jkun qed iwieġeb jekk hux veru li t-Taljani kienu jarmu l-bombi mill-għoli fil-baħar għax ma kinux ġellieda ta’ stoffa.

Is-sensiela qed issir bi produzzjoni tal-ġurnalist ta’ TVM Mario Xuereb u r-riċerkatur Martin Debattista, bil-ħidma kollettiva tal-kru tal-PBS.

“Malta fil-Gwerra” jibda jixxandar fil-31 ta’ Marzu, u jibqa’ jixxandar kull nhar ta’ Tlieta, fl-10.05pm, fuq Television Malta.

Aħbarijiet Oħra
Kurżitajiet

F’dawn il-jiem, il-midja soċjali saru miżgħuda b’għadd ta’ filmati, tpinġijiet, u ritratti ta’ kull xorta, bil-għan li fost l-oħrajn dak li jkun iqanqal xi ftit tal-ottimiżmu fid-dawl tal-Covid-19, li kull…

Televiżjoni u Radju

Fl-isfond tal-jiem straordinarji li qed ngħixu, kawża tal-imxija tal-Covid-19 f’pajjiżna wkoll, il-poplu Malti u Għawdxi mħeġġeġ jibqa’ d-dar u ma joħroġx għal xejn b’xejn, bil-għan li t-tixrid tal-virus jonqos kemm…

Televiżjoni u Radju

Il-Papa Franġisku llejla ser imexxi mument straordinarju ta’ talb mill-Vatikan, fid-dawl tal-pandemija li ħakmet il-pajjiżi madwar id-dinja. Minn Pjazza San Pietru, mingħajr nies preżenti fil pjazza, ser tiġi pproklamata l-Kelma…

Televiżjoni u Radju

Kull bidu għandu tmiem. Il-programm ‘X’sar minnhom’, li minn Ottubru ‘l hawn laqqa’ lit-telespettaturi ta’ Television Malta ma’ għadd ta’ personalitajiet Maltin li f’dawn l-aħħar snin tbiegħdu xi ftit jew…

Aktar