Barranin
ARA: It-toroq fl-Awstrija battala għalkollox min-nies – is-swieq tal-Milied ordnati jżarmaw kollox

Fl-Awstrija t-toroq tal-pajjiż dalgħodu kienu nieqsa għalkollox minn kull attività hekk kif daħal fis-seħħ ir-raba’ lockdown nazzjonali bil-għan li tiġi kkontrollata l-imxija tal-coronavirus. L-Awstrija kien l-ewwel pajjiż Ewropew tal-punent li reġa’ impona din il-miżura drastika u xejn popolari wara żieda qawwija ta’ każijiet.

F’Salizburgu, il-pjazza famuża Mozartplatz kienet nieqsa minn kull attività hekk kif is-sidien tar-restoranti u l-kafetterija dehru jistivaw fuq xulxin l-imwejjed u s-siġġijiet.

Dan il-lockdown huwa simili għal dawk preċedenti iżda huwa l-ewwel wieħed mindu bdiet tingħata t-tilqima kontra l-Covid-19 u l-varjanti tiegħu.

Il-gvern Awstrijakk ordna lis-sidien tar-restoranti, tal-kafetteriji, tal-bars, teatri, ħwienet li jbigħu prodotti mhux essenzjali u parrukkiera biex jibqgħu magħluqin għal għaxart ijiem bil-possibbiltà li dan il-lockdown jiġi estiż.

Is-swieq tal-Milied li jiġbdu lejhom eluf ta’ turisti jridu jibqgħu magħluqa. Il-lukandi wkoll iridu jagħlqu għat-turisti.

“Din hija sitwazzjoni li rridu nirreaġixxu għaliha issa,” qal il-Ministru tas-Saħħa Wolfgang Mueckstein fuq l-istazzjon televiżiv ORF. Huwa qal li l-lockdown hu l-uniku għażla li għandu l-pajjiż quddiemu biex inaqqas l-għadd ta’ infezzjonijiet.

Il-ġimgħa l-oħra, il-gvern Awstrijakk impona lockdown fuq il-persuni li ma tlaqqmux. Tħabbar ukoll li mill-1 ta’ Frar, il-vaċċin irid jittieħed b’mod obbligatorju.

In-nies jistgħu jħallu d-djarhom għal għadd ta’ raġunijiet limitati bħax-xogħol u bejgħ ta’ oġġetti essenzjali. Iċ-ċittadini jistgħu jmorru għal mixja mingħajr limitu ta’ ħin jew distanza iżda jistgħu jagħmlu dan ma’ persuna waħda biss li tgħix taħt l-istess saqaf magħhom.

Il-postijiet tax-xogħol u l-iskejjel baqgħu miftuħin, iżda l-gvern talab lill-ġenituri biex jekk hu possibbli jżommuhom magħhom id-dar.