Ambjent
ARA: It-torri tal-konkos fil-biċċerija se jiġi rrestawrat

Il-Kummissjoni tal-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-permessi biex jibda r-restawr ta’ struttura unika tal-konkos li kienet isservi bħala tank għall-ħażna tal-ilma għall-ħasil tal-biċċerija fil-Marsa.

Inbena fis-snin tletin b’teknoloġija innovattiva għal dak iż-żmien bl-użu ta’ konkos rinforzat, it-tank tal-ilma tal-biċċerija fil-Marsa huwa eżempju uniku tax-xorta tiegħu u dal-fatt waħdu se jsalvah. Dan għaliex it-tank forma ta’ torri fil-bitħa tal-biċċerija waqaf jintuża fis-snin sebgħin u kien hemm anke l-ħsieb li jitwaqqa’.

Madankollu t-torri bit-tank fuqu li jesa’ 300 metru kubu tal-ilma ser jiġi restawrat wara li b’ħidma flimkien bejn il-fakultà tal-ambjent minbni fl-Università ta’ Malta u l-amministrazzjoni tal-biċċerija, din l-istruttura ġiet valurizzata u qed titqies bħala monument importanti tal-wirt industrijali ta’ Malta, anke minħabba t-teknika li ntużat fis-snin 30 biex inbniet.

Qabel inħargu l-permessi għar-restawr mill-kummissjoni tal-ippjanar sar studju mill-fakultà tal-ambjent mibni tal-Università dwar l-interventi meħtieġa. Il-fakultà se tibqa’ involuta fir-restawr flimkien mal-Ministeru tal-Ambjent.

Il-permess għar-restawr jipprovdi wkoll biex dar-restawr partikolari jservi bħala proġett ta’ riċerka. Dan kien ġie spjegat lil TVM ftit taż-żmien ilu minn Dr Ruben Paul Borg mill-Fakultà tal-Ambjent mibni.

“L-interventi li se naghmlu u x’materjali se nużaw fl-intervent, jiġifieri materjali avvanzati, ġodda, ta’ ċerta kwalità, li għandhom element kbir ta’ innovazzjoni, u t-tieni billi naraw kif se ndaħħlu teknoloġija assolutament ġdida għal Malta li nħarsu lejn is-saħħa strutturali fiż-żmien li ġej proprju biex ninterpretaw din l-istruttura u kif qed iġġib ruħha fil-futur permezz ta’ sensors,” spjega Dr Borg.

L-istruttura għandha ħsarat estensivi kemm biż-żmien kif ukoll għaliex it-tank kien imtela bl-ilma baħar li żied il-ħsara fil-ħadid tal-istruttura, u anke għaliex issa ilha abbundanata mal-40 sena. Fid-dawl tal-importanza tal-proġett, l-Awtorità tal-Ambjent qablet ukoll li tagħmel tajjeb għall-parti mill-ispejjeż tar-restawr.