Kronaka
ARA: Iwissu lis-sidien tal-ħwienet biex joqogħdu b’seba’ għajnejn

Is-sid ta’ Optika Opticians li għandu ħwienet tan-nuċċalijiet f’diversi lokalitajiet madwar Malta qed iwissi lis-sidien tal-ħwienet biex joqgħodu b’seba’ għajnejn minn dawn l-individwi li jidhru fir-ritratti.

Dan wara li dawn it-tliet irġiel inqabdu fil-fatt jisirqu xi nuċċalijiet mill-ħanut fuq filmat tas-CCTV minn tliet iħwienet f’Tas-Sliema u San Ġiljan.

TVM tkellem ma’ sid il-ħanut li qal li dawn l-individwi huma pick pocketers professjonali li rnexxielhom iqarrqu b’min kien qiegħed għassa mal-ħanut bit-teknika tagħhom.

B’kollox l-irġiel serqu 6 nuċċalijiet tax-xemx u tad-ditta u minflokhom ħallew nuċċalijiet foloz.

Sid il-ħanut qal lil TVM li din mhux l-ewwel darba li ngidmu. Qal li madwar sena u nofs ilu, grupp ta’ individwi Rumeni kienu serqu għadd ta’ nuċċalijiet iżda bil-ħidma u l-għajnuna tal-Pulizija, il-ħallelin inqabdu.

Mal-Pulizija sar rapport tas-serqiet u filwaqt li rringrazzja l-kooperazzjoni sħiħa tal-Pulizija speċjalment tal-Pulizija Ivan Attard, qed jitlob lil kull min għandu xi tagħrif jew informazzjoni dwar dawn l-individwi jikkuntattja lill-ħanut jew lill-Pulizija.