Lokali
Ara: Jagħtu bil-ponn u bis-sieq f’Paceville – grupp ta’ nies bla maskra

F’filmat imtella’ fuq il-midja soċjali, grupp ta’ ġuvintur u tfajliet jidhru jagħtu bil-ponn u bis-sieq f’argument li seħħ mal-lejl f’Paceville. Uħud, saħansitra spiċċaw isabbtu lil xulxin ma’ karozza li kienet ipparkjata maġenbhom.

L-argument seħħ fi Triq San Ġorġ f’San Ġiljan, tefgħa ta’ ġebla bogħod minn Paceville.

Ta’ min jinnota mill-filmat li minkejja li ż-żgħażagħ kienu fi gruppi ta’ aktar minn tnejn, l-ebda persuna ma tidher liebsa l-maskra.

Mill-ewwel ta’ Lulju, dawk li huma mlaqqma għalkollox kontra l-Covid jistgħu joħorġu barra mingħajr maskra fi gruppi, iżda, ta’ mhux aktar minn żewġ persuni.

F’każ li persuna titlaqqam biż-żewġ dożi u tkun trid tneħħi l-maskra fil-pubbliku, jeħtieġ li jkollha fuqha ċ-ċertifikat tal-vaċċin. Ċertifikat, li jista’ jitniżżel minn dan is-sit.

Intant, fl-aħħar sigħat, l-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li minn għada jistgħu jittellgħu attivitajiet li jattendu għalihom aktar minn 100 ruħ.