Parlament
ARA: Jason Azzopardi jikkontesta ruling tal-Ispeaker, Joseph Muscat jirribatti

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ressaq mozzjoni biex jikkontesta r-ruling mogħti mill-Ispeaker Anġlu Farrugia li fiha Prima Facie sabu ħati ta’ ksur ta’ privileġġ fil-konfront tal-eks Prim Minsitru Joseph Muscat.

Fil-mozzjoni li ressaq l-Avukat Jason Azzopardi qal li r-ruling kien fih implikazzjonijiet negattivi fuq l-eżerċizzju tad-drtit tal-espressjoni mill-politiċi f’materja li tikkonċerna l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, għax kienet se tikxef dak li sejjaħ bħala l-iskandlu tal-Montenegro u skandli oħra fil-qasam tal-enerġija, li allega li fihom hemm involuti Dr Joseph Msucat, Dr Konrad Mizzi u s-Sur Keith Schembri.

Huwa qed jgħid li d-dritt tal-espressjoni politika tad-deputati hija ogħla mill-ordnijiet permanenti tal-kamra fid-dmir li l-Gvern ikun skrutinizzat. Huwa qal li fid-diskors tieghu kien ippreżenta żewġ fatti li saru magħrufa f’xhieda mogħtija fil-Qorti.

Dr Muscat min-naħa tiegħu informa lill-Ispeaker li fil-mozzjoni Dr Azzopardi injora għal kollox il-parti tad-diskors li dwaru ressaq il-ksur ta’ privileġġ, li hija l-implikazzjoni tiegħu li huwa kien jaf, fost oħrajn, bi pjan biex tinqatel is-Sinjura Caruana Galizia.

Huwa qal li b’dan il-mod id-Deputat Azzopardi kien qed jilgħab bil-bżallu għax imkien ma sar magħruf li huwa b’xi mod kif allega d-Deputat Azzopardi fil-mozzjoni. Qal li d-Deputat Azzopardi għandu dritt jaħseb li jrid iżda m’għandux dritt jippreżenta dan bħala fatt.