Lokali
Ara: “Javier għex ħajja sabiħa għax kien imdawwar bl-imħabba” – jingħata l-aħħar tislima

Għexieren ta’ persuni nġabru b’għożża biex jagħtu l-aħħar tislima lit-tfajjel Javier Micallef li miet nhar l-Erbgħa li għadda.

Javier iddaħħal fil-knisja arċipetrali tal-Mosta, magħrufa bħala r-Rotunda minn taħt arkata ta’ bżieżaq bojod, akkumpanjat minn daqq taċ-ċirimelli li jġiblek qalbek ġunġliena. Laqgħuh b’dirgħajhom miftuħa, għadd ta’ bukketti tal-fjuri l-ġmiel tagħhom li żewqu ħoġor l-altar kif ukoll għexieren ta’ persuni li mlew ir-Rotunda skont il-miżuri kontra l-Covid-19. Xhieda, li minkejja li kien għadu fil-fjur ta’ żgħożitu, Javier mess il-qlub ta’ bosta.

Fr Albert Buhagiar, li qaddes il-quddiesa, ukoll kellu sehem ewlieni fil-ħajja ta’ Javier peress li daqs 7 snin ilu għamillu l-ewwel tqarbina. Matul l-omelija tal-quddiesa, Fr Buhagiar ċċelebra l-ħajja taż-żagħżugħ u qal li minkejja d-diffikultajiet li ssielet magħhom iċ-ċkejken Javier, huwa għex ħajja sabiħa għax kien imdawwar bl-imħabba.

Spikka, waqt il-quddiesa, mument ta’ qsim il-qalb xħin Fr Buhagiar inċensa u bierek it-tebut ta’ Javier, filwaqt li l-ġenituri taċ-ċkejken sellmu l-memorja ta’ binhom għall-aħħar darba. Fi tmiem il-quddiesa, indaqqet il-kanzunetta tat-tfal “Rain rain, go away” – kliem li Javier kien jgħid ta’ spiss.

Il-mewta ħabta u sabta ta’ Javier ixxukkjat lil bosta. Huwa kien ibati minn kundizzjoni rari li tikkawża differenzi fil-formazzjoni tal-moħħ.