Infrastruttura
ARA: Javvanza l-bini tal-ewwel flyovers tal-Marsa Junction Project

Minkejja li normalment fil-ġimgħa ta’ Santa Marija ħafna negozji u ħaddiema jieqfu għal ftit mistrieħ, Infrastructure Malta xorta waħda baqgħet għaddejja bil-bini tal-ewwel flyovers tal-Marsa Junction Project.

Fil-fatt, f’dawn l-aħħar jiem, Infrastructure Malta bdiet tqiegħed f’posthom dawk li se jkunu l-itwal seba’ travi tal-flyovers tal-Marsa Junction Project.

Filwaqt li qed jitpoġġew dawn it-travi, tim ieħor ta’ ħaddiema diġà beda x-xogħol biex titlesta l-gverta tal-konkos. Tard bil-lejl bejn Santa Marija u l-Ġimgħa, il-kuntratturi tal-proġett użaw 277 tunnellata konkos biex lestew waħda mill-akbar partijiet tal-gverta, madwar tliet sulari ‘l fuq mill-art, fil-punt fejn se jiltaqgħu it-tliet flyovers ġejjin minn Triq Aldo Moro, minn Triq Garibaldi u minn Vjal Santa Luċija (it-Telgħa tal-Addolorata).

Sabiex isir dan ix-xogħol b’mod sigur kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal dawk li jgħaddu minn din il-ħolqa ewlenija fir-rotta lejn in-nofsinhar ta’ Malta, fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jkun hemm diversi tibdiliet fil-korsiji temporanji u t-traffic lights li qed jintużaw bħalissa. L-ewwel tibdil seħħ il-ġimgħa li għaddiet fil-korsiji fid-direzzjoni mill-Marsa lejn Santa Luċija, Ħal Luqa u l-Ajruport. Tibdil żgħir ieħor sar fil-jiem li għaddew fil-korsiji li jagħtu lejn it-tramuntana.

L-ewwel żewġ flyovers li se jitlestew fix-xhur li ġejjin huma dawk li se jgħaqqdu flimkien b’konnessjoni diretta Triq Giuseppe Garibaldi u Triq Aldo Moro. L-ewwel struttura, bi travi tal-konkos, titlaq minn Triq Aldo Moro u għandha erba’ korsiji. It-tieni flyover, dik li qed tinbena bħalissa bit-travi tal-azzar fit-tond, tgħaqqad żewġ korsiji tal-ewwel flyover ma’ Triq Garibaldi. Eventwalment it-tielet flyover tingħaqad ukoll maż-żewġ korsiji l-oħra l-ewwel waħda, sabiex tgħaqqad Vjal Santa Luċija ma’ Triq Aldo Moro wkoll.

It-tħejjijiet għall-bini tal-flyovers l-oħrajn ukoll qed javvanzaw ġmielhom. Fil-fatt, diġà tlestew aktar minn 20 kolonna mit-42 li hemm bżonn għal dan il-proġett. Taħt il-flyovers, Infrastructure Malta qed tgħaddi aktar minn 15-il kilometru f’cables u katusi għad-distribuzzjoni tas-servizzi tal-elettriku, ilma, drenaġġ, Internet u telekomunikazzjoni minn taħt l-art. Qed titħejja wkoll sistema għall-ġbir tal-ilma tax-xita u sistema għat-tisqija biex tintuża għal dawk iż-żoni ġodda tal-proġett li se jkunu msebbħin b’siġar u pjanti.

Is-seba’ flyovers tal-Marsa Junction Project u aktar minn 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda jew mibnijin mill-ġdid, li se jgħaddu b’mod separat minn fuq xulxin fi tliet livelli differenti, se joħolqu konnessjonijiet diretti kemm lejn it-tramuntana kif ukoll lejn in-nofsinhar bejn Triq Aldo Moro, Vjal Sir Paul Boffa, Vjal Santa Luċija, Triq Giuseppe Garibaldi u Triq il-Marsa. B’hekk se jiġu eliminati l-ħin ta’ stennija li kien ikun hemm minħabba t-traffic lights, u l-emissjonijiet ikkaġunati mill-konġestjoni, għal aktar minn 100,000 persuna li kuljum jivjaġġaw minn din il-junction.

Il-Marsa Junction Project huwa kofinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Żewġ nisa, li waslu Malta b’dgħajsa ma’ immigranti oħra s-sena l-oħra, spiċċaw il-ħabs minflok il-Ġermanja. Fil-Qorti, l-avukat tagħhom Martin Fenech, spjega li huma użaw dokumenti foloz biex ikunu jistgħu jibdew…

Partit Nazzjonalista

Waqt żjara fix-xelter tal-YMCA li għandu mat-30 resident, il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li r-realtà tal-faqar f’Malta, qiegħda tiżdied minkejja t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż. Dr Delia qal li l-Gvern għandu…

Xogħol

Fit-tieni kwart tas-sena, bejn April u Ġunju li għadda, Malta kellha t-tielet l-ogħla rata ta’ sejħiet għal impjiegi fis-suq tax-xogħol. Skont ċifri tal-Eurostat, il-postijiet tax-xogħol li kienu qed ifittxu l-ħaddiema…

Aktar