Ambjent
ARA: L-Awtorità tal-Ippjanar tordna lill-kuntratturi jneħħu l-materjal li ntrema fil-bajja ta’ Marsalforn

Wara li fuq il-midja soċjali beda jdur filmat ta’ trakk jarmi materjal li jinkludi ramel u ċagħaq fil-bajja ta’ Marsalforn, l-Awtorità tal-Ippjanar ordnat lill-kuntratturi mqabbda mill-Ministeru t’Għawdex biex b’mod immedjat ineħħu l-materjal li ntrema l-baħar fil-Bajja ta’ Marsalforn il-Ħamis waranofsinhar.

L-Uffiċjali tal-Infurzar mill-Awtorità tal-Ippjanar marru immedjatament fuq il-post u fuq struzzjonijiet tal-uffiċjali tal-infurzar, il-ħaddiema bdew ineħħu l-materjal li kienu tefgħu l-baħar. L-Awtorità tal-Ippjanar qalet li ser tkompli tagħmel moniteraġġ ta’ dan il-każ sakemm tkun sodisfatta li tneħħa l-materjal kollha.

Meta feġġ il-filmat, Television Malta għamel il-verifiki tiegħu u minn sorsi qrib il-Ministeru t’Għawdex ingħad li dan il-materjal li ntefa kien ramel u ċagħaq li tela’ mill-baħar u spiċċa fil-wied ta’ Marsalforn u dan reġa’ nxteħet lura fil-baħar.