Lokali
Ara: “Jekk taqbad waħda u tkun iqsar minn 45 ċm erġa’ itlaqha l-baħar”

Iċ-ċerna, bħal bosta ħut ieħor, ukoll għandha għadd ta’ speċi li jinsabu f’riskju li jinqerdu għalkollox. Madankollu, dak li jkun spiss ġenwinament jaf jaqbad xi fellus taċ-ċeren mix-xatt bla ma jintebaħ li dan jista’ jpoġġi d-destin ta’ din il-ħuta f’riskju.

F’kummenti ma’ tvm.com.mt il-bijologa marittima Sandra Agius Darmanin qalet li skont il-Unjin Internazzjonali tal-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN Red List) hemm ċans li jekk jibqa’ ma jsir xejn għadd ta’ speċi ta’ ċeren, fosthom id-Dusky, mhux se jibqgħu jagħtu l-ħajja lill-ibħra ta’ madwarna fil-futur qarib.

Mistoqsija wieħed x’jista’ jagħmel biex iċ-ċerna ma tinqeridx, Dr Agius Darmanin spjegat li jekk tinqabad ċerna li ma jkunx fiha aktar minn nofs metru tul, dak li jkun, sajjied jew mhux, skont il-liġi, għandu jerġa’ jitlaqha l-baħar minnufih. Hija fissret li l-ispeċi Dusky, b’mod speċjali, iddum is-snin biex timmatura kif ukoll biex tibda tirriproduċi. Żiedet, li filwaqt li l-aktar ċeren adulti ssibhom fil-miftuħ, dawk l-aktar żgħar jkunu aktar fil-baxx u eqreb il-kosta.

 

Ċerna żgħira meħlusa min-nassa fil-baħar f’Kemmuna.

Intant, Dr Agius Darmanin qalet li l-Grupp ta’ riċerka għall-Konservazzjoni tal-Bijoloġija fl-Università ta’ Malta għadu kif temm studju dwar iċ-ċeren bil-għan li jkun hawn aktar għarfien dwar din l-ispeċi li kulma jmur jaf togħsfor minn wiċċ id-dinja.