Barranin
Ara: Jgħid li l-plejers tad-Danimarka ma ridux jilagħbu u li l-UEFA heddithom b’telfa ta’ 3-0

Peter Schmeichel, missier il-gowler tad-Danimarka Kasper Schmeichel, ħadha qatta’ bla ħabel kontra l-UEFA talli fi kliemu ġiegħlet lill-plejers Daniżi jkomplu l-partita mal-Finlandja. Partita, li twaqqfet ftit qabel l-ewwel taqsima wara li l-plejer Christian Eriksen ikkollassa, u li tkompliet aktar tard.

F’kummenti mal-istazzjon ITV, Schmeichel ċaħad li l-plejers tad-Danimarka riedu jkomplu jilagħbu kif qalet il-UEFA. L-eks gowler ta’ Manchester United qal li l-UEFA tathom tliet possibilitajiet: jew li jispiċċaw il-logħba minnufih, jew li jkompluha l-għada f’nofsinhar jew li ma jilagħbuhiex u jingħataw telfa walkover ta’ 3-0. B’hekk, Schmeichel ta x’jifhem li l-plejers tad-Danimarka lagħbu kontra qalbhom.

Il-Finlandja għelbet lid-Danimarka f’Copenhagen bl-iskor ta’ 0-1. Huma marru minn fuq mas-siegħa logħob permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ Joel Pohjanpalo.

Intant, fl-aħħar sigħat, il-kowċ tat-tim Daniż, Kasper Hjulmand qal li Eriksen qallu li mhux se jaqta’ qalbu u li jinsab ħerqan biex jerġa’ jibda jitħarreġ.