Politika
ARA: Jgħidu tagħhom dwar il-ġejjieni ta’ Adrian Delia fil-Partit Nazzjonalista

Il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista għad jista’ jiddeċiedi dwar il-futur politiku ta’ Adrian Delia f’każ li jinġabru biżżejjed firem minn fost il-kunsilliera b’talba speċifika biex jissejjaħ vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia bħala Kap tal-Partit.

Dan ikkonfermah ma’ Television Malta l-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Alex Perici Calascione, li xejjen interpretazzjonijiet tal-istatut, fis-sens li dan jimponi perjodu ta’ sentejn bejn vot ta’ fiduċja jew sfiduċja fit-tmexxija.

Il-lejl li għadda, Dr Delia kien sfiduċjat għat-tieni darba minn organu tal-partit, din id-darba mill-Eżekuttiv, u minkejja s-sejħiet biex jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu, Dr Delia qal li dan il-vot m’għandux konsegwenza fuq it-tmexxija tiegħu.

Intervistat fil-programm Rasimbras l-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono qal li wara l-vot tal-Eżekuttiv tal-PN, Dr Delia għandu jikkunsidra li jwarrab. Il-mozzjoni ta’ sfiducja f’Adrian Delia bħala Kap tal-partit fuq mozzjoni mressqa mill-eks deputat Michael Asciak għaddiet b’maġġoranza ta’ 11-il vot, ġimgħa biss wara li l-Grupp Parlamentari sfiduċjah minn Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-President tal-Eżekuttiv, Alex Perici Calascione, spjega li għad hemm iċ-ċans li Dr Delia jkollu jiffaċċja vot ta’ sfiduċja fil-Kunsill Ġenerali. “Numru ta’ kunsilliera tesserati jiktbu lill-eżekuttiv, jekk president eżekuttiv jirċievi talba bid-domanda formulata, ngħadduha kunsill ġenerali. Għad m’għandi l-ebda indikazzjoni jew informazzjoni li din se ssir,” qal Perici Calascione.

Biex mozzjoni tiskatta dak il-proċess, trid tkun iffirmata minn 150 kunsillier. Il-Partit Nazzjonalista jista’ jgħaddi minn elezzjoni ta’ kap ġdid għax kif spjega l-President tal-Eżekuttiv innifsu, ir-regola li ma jistax jitressaq vot fit-tmexxija qabel ma jgħaddu sentejn ma tapplikax.

“Għandna statut ġdid, ir-regola tapplika mindu daħħalna statut ġdid ‘il quddiem. Dak li sar taħt statut antik għax għamilna reviżjoni… illum bidu ġdid mill-istatut.”

Iżda uffiċjali tal-Partit qed jittamaw li l-biċċa ma tasalx s’hemm. “Minn issa ‘l quddiem ħafna jistrieħ fuq id-deċiżjoni ta’ Dr Delia nnifsu, għaliex il-vot tal-bieraħ fih innifsu skont l-istatut ma jfissirx li għandu jkun hemm riżenja jew le.” Jisħaq iżda li konsegwenza politika jkun hemm dejjem.

Minkejja d-diversi għażliet li jeżistu, matul il-lejl fi tmiem il-laqgħa tal-Eżekuttiv, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnifsu stqarr li l-vot ta’ sfiduċja fih mill-Eżekuttiv ma jbiddel xejn.

Mhux tal-istess fehma l-arkitett tal-istatut riformat tal-Partit Nazzjonalista Louis Galea, li fi stqarrija kmieni dalgħodu qal li Dr Delia huwa żbaljat meta jgħid li l-voti b’maġġoranza ċara fl-organi tal-partit m’għandhom l-ebda konsegwenza.

Television Malta huwa infurmat li matul il-laqgħa tal-Eżekuttiv, li damet mas-seba’ siegħat, kien hemm diskussjoni dwar il-possibilità ta’ sanzjonar ta’ deputati, li fil-jiem li għaddew tkellmu kontra t-tmexxija ta’ Dr Delia. L-istess sorsi qalu li ma tressqet l-ebda mozzjoni biex dawn jitkeċċew jew jittieħdu passi kontrihom.

Ara wkoll:

Adrian Delia sfiduċjat ukoll mill-Kumitat Eżekuttiv tal-PN

Delia jgħid li l-vot tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN ma jwassalx biex jitneħħa l-Kap

Delia huwa obbligat jidderiġi lit-tesserati skont id-direzzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv għall-ġid tal-partit – Louis Galea

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Mistoqsija dwar jekk trabi għandhomx jitlibbsu maskri, Prof Gauci qalet li tfal taħt 3 snin m’għandhomx jitlibbsu l-maskra għax din tista’ tkun ta’ periklu għalihom. Dan qalitu meta kienet qed…

COVID-19

Il-Partit Nazzjonalista qal li jinsab infurmat li l-kumpanija Gozo Channel għad m’għandhiex sistema adegwata biex tara li fuq il-vapuri u fit-terminals, il-passiġġieri josservaw il-miżuri ta’ prevenzjoni mill-COVID-19 li ħabbar il-Gvern…

Kultura

Minn issa ‘l quddiem waħda mill-isbaħ xeni tal-Port il-Kbir tista’ titgawda minn fuq il-bejt ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt. Dan hekk kif fi tmiem il-ġimgħa saret l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett…

COVID-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li minn meta daħal fis-seħħ l-avviż legali l-ġimgħa li għaddiet, diġà nħarġu ħames multi ta’ €3,000 ‘l waħda għal organizzaturi ta’ attivitajiet, restoranti…

Aktar