Lokali
Ara: Jibda r-restawr tat-Torri tax-Xlendi – l-eqdem f’Għawdex

Tlesta r-restawr minn barra tat-Torri tax-Xlendi. Mibni kważi 400 sena ilu biex jgħasses il-kosta fil-punent ta’ Għawdex, illum hu parti mill-wirt fil-ġebla mibnija. Dalwaqt tibda fażi oħra tax-xogħol, ir-restawr minn ġewwa li se jiġi attrezzat f’ċentru ta’ interpretazzjoni dwar l-istorja tat-torri u r-rikkezza tal-baħar fix-Xlendi.

Iż-żmien kien għamel tiegħu fuq it-Torri tax-Xlendi, speċjalment fuq il-ġebla. Fl-aħħar jiem tlesta r-restawr minn barra tat-torri. Proġett, li qed isir mill-Kunsill Lokali tal-Munxar b’investiment ta’ €355,000. Parti sew mill-ispiża se titħallas minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

It-torri li jinsab f’tarf il-promontorju magħruf bħala Ras il-Bajda li jkennen il-bajja tax-Xlendi tlesta fl-1650. Hu l-eqdem torri li ttella’ fi żmien il-Granmastru Lascaris u b’differenza minn torrijiet kostali oħra għandu terazzin li jagħti għal fuq il-baħar.

Matul is-snin, it-Torri tax-Xlendi serva għal skop ta’ difiża iżda riżultat tat-telqa u l-ħsara mill-elementi, it-torri kien spiċċa fi stat ta’ rovina. Is-Sindku tal-Munxar, Damien Spiteri, spjega li biex beda x-xogħol kellhom jegħlbu bosta sfidi fosthom tal-aċċessibilità u l-preżenza ta’ għadd ta’ pjanti li ntalbu li jiġu rilokati. Bir-restawr tat-torri minn barra lest, ħarġu s-sejħiet għall-offerti biex tibda t-tieni fażi: ir-restawr fuq ġewwa, l-istallazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ dawl u ilm, u l-iżvilupp ta’ ċentru ta’ interpretazzjoni.

“Se jkun maqsum fuq żewġ aspetti: se jkollna aspett fejn se nesebixxu u noffru materjal għall-udjenza relatat mal-istorja tat-torri. Imbagħad ser ikollna l-aspett l-ieħor li se jkollu fih element tar-rikkezza li fih il-baħar tax-Xlendi. Jiġifieri ta’ min insemmu li ftit metri ‘l bogħod minn hawnhekk hawn xini ta’ Żmien il-Feniċi, 700 sena qabel Kristu, li se jkollna materjal u esebizzjonijiet dwaru fit-Torri tax-Xlendi.”

F’diversi ljieli sajfin – bejn Lulju u Settembru – il-Kunsill Lokali tal-Munxar qed idawwal l-inħawi bi fjakkolata tradizzjonali.