Infrastruttura
ARA: Jibda x-xogħol fuq it-tqegħid tal-ewwel pedamenti għall-pontijiet fil-junction tal-Marsa

Beda x-xogħol fuq it-tqegħid tal-pedamenti tal-ewwel żewġ pontijiet minn 7 li ser isiru fil-proġett tal-junction tal-Marsa. Dawn iż-żewġ pontijiet li se jwasslu minn Triq Aldo Moro għal Triq Garibaldi mistennija jkunu lesti sa nofs is-sajf.

Bdew l-ewwel xogħlijiet fil-Flyover tal-Marsa għat-tqegħid tal-ewwel minn 460 struttura rinforzati tal-konkos u tal-azzar infandin fit-triq li fuqhom iridu jistrieħu t-42 pilastru tas-7 pontijiet li ser ikun hemm f’din il-flyover. Dawn ix-xogħlijiet qed isiru bejn il-barrikati li qed jifirdu l-karreġġjati li minn Triq Aldo Moro jagħtu lejn Raħal Ġdid u Santa Luċija. B’dan il-mod it-traffiku li jgħaddi mill-inħawi mhux qed ikun affettwat b’dawn ix-xogħlijiet.

Il-Perit, Walter Portelli qal ”għaddejjiin bl-excavation tas-sit u bdejna nagħmlu l-piles taħt kull bażi li mbagħad inkunu nistgħu naraw il-kolonni u finalment nistgħu naraw it-travi u nillestu d-decks. Hekk imbagħad jieħdu t-traffiku.”

Il-Perit Walter Portelli kompla jispjega li l-ewwel żewġ pontijiet se jwasslu minn Triq Aldo Moro lejn Triq Garibaldi. Skont il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Frederick Azzopardi dawn l-ewwel pontijiet mistennija jkunu lesti u jintużaw sa nofs is-sajf. Il-periti responsabbli mill-proġett spjegaw li din il-fażi mistennija tkun maqsuma f’ħames fażijiet. Dil-parti tal-proġett qed issir taħt is-superviżjoni ta’ kuntratt li ntrebaħ minn kuntratturi Torok wara sejħa għall-offerti.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg qal li din il-fażi tal-proġett b’7 pontijiet mistennija tiswa 70 miljun ewro b’ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea. Dr Borg iddeskriva dal-proġett bħala l-ikbar investiment fuq kwalunkwe arterja fin-network tat-toroq Maltin li se jibdel għal dejjem il-mod kif Malta tħares lejn l-infrastruttura tat-toroq. Huwa ppjanat li l-proġett kollu għandu jkun lest lejn l-aħħar tas-sena d-dieħla.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

It-tifkira ta’ Lassana Cisse Souleymane, li kienet tpoġġiet fil-post fejn inqatel ġiet ivvandalizzata. Huwa kien inqatel kiesaħ u biered fit-triq li tagħti bejn Ħal Far u Birżebbuġa nhar is-6 t’April. B’rabta…

Lokali

Heritage Malta, flimkien mas-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali Malti u l-Università ta’ Macquarie, f’Sydney l-Awstralja, qed iħabbru l-bidu ta’ proġett internazzjonali u interdixxiplinarju li jinvolvi l-istudju tal-kranji umani li nstabu ġewwa l-Ipoġew…

Qorti

Ir-raġel suspettat bl-omiċidju ta’ Charlene Farrugia mistenni jitressaq il-Qorti llum. TVM jinsab infurmat li huwa se jitressaq b’rabta mal-hold up li seħħ ftit tal-jiem ilu f’ħanut fil-Gżira. Dwar l-akkużi b’rabta…

Aktar