Kultura
ARA: Jibni mudell uniku tal-magna tal-ferrovija li qdiet lill-Maltin sal-1931

Il-vapur tal-art dam jagħti servizz tat-trasport lill-poplu Malti 48 sena. Stephen Bonello fl-aħħar snin għażel li jibni mudell tal-kartun ta’ waħda mill-magni tal-ferrovija, li kienet il-mezz ta’ trasport ewlieni bejn il-Belt u l-Imtarfa. Dan il-mudell diġà deher f’diversi wirjiet iżda issa Bonello qed iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jinstab post fejn jibqa’ għall-wiri b’mod permanenti.

Il-vapur tal-art, jew il-ferrovija, bdiet tintuża fl-1883 b’magni li kienu kbar u b’saħħithom. Minkejja li dan il-mezz ta’ trasport spiċċa, wieħed jista’ japprezza kif kienu l-magni dak iz-zmien permezz tal-mudell magħmul minn idejn id-disinjatur Stephen Bonello.

Il-mudell, li fih madwar 10 metri tul u żewġ metri wiesgħa, sar ħames snin ilu bl-għajnuna tal-familjari tiegħu, wara li Bonello studja kif kienu l-magni oriġinali tal-vapur tal-art, biex kemm jista’ jkun ikun fidil u awtentiku sa l-anqas dettall. Ix-xogħol ħa madwar 500 siegħa u ntużaw maż-żewġ tunnellati kartun. Biex jagħmel dan ix-xogħol artistiku, Bonello sab l-għajnuna tal-imgħallem tiegħu.

“Jiena disinjatur f’fabbrika li timmanifattura l-kartun hawn Malta, grazzi għall-koperazzjoni lill-maniġer tiegħi li offrieli kemm materjal kif ukoll materjal ieħor biex nisprejjawaha u ninkullawaha, il-magni li użajt.”

Iċ-Chairman tal-Malta Railway Foundation, Paul Galea, qal li dan il-mudell huwa ta’ waħda minn erba’ magni li kienu jintużaw mal-vapur tal-art fl-aħħar fażijiet tiegħu. Huwa qal li b’kollox f’Malta nġiebu 10 magni. “Dan il-mudell ta’ warajna huwa, bare peacock, dawn huma l-aħħar 4 mudelli, kienu magni kbar, kienu b’saħħithom u kienu ta’ servizz tajjeb. Sfortunament il-ferrovija spiċċat fl-1931, ir-raġuni kienet għax falliet.”

Is-Sur Galea qal li l-vapur tal-art kien jitlaq mill-foss ta’ San Ġakbu l-Belt, u fil-bidu kien jasal sar-Rabat. Iktar tard wasal anke sal-Imtarfa, fejn inbena stazzjon. Spjega li wara l-falliment tal-kumpanija privata, il-Gvern Ingliż daħal għal proġett biex jibqa’ jopera u jaqdi lill-poplu Malti. Spjega li l-ferrovija baqgħet topera sal-1931.

Illum dan il-mudell tal-kartun ta’ waħda mill-magni, li anke ddaħħal għal Guinness World Records, jinsab f’maħżen fl-Imtarfa, bi Stephen Bonello jixtieq li dan jittieħed f’post fejn ikun assigurat li ma jintilifx, anke biex ikollu spazju biżżejjed ħalli jibni mudelli oħra magħmula mill-kartun.