Lokali
ARA: Jibqgħu deħlin bid-dgħajjes fiż-żona tal-għawwiema

Għawwiema li llum marru jgawdu l-baħar f’St Peter’s Pool, f’Delimara, kellhom jaqsmu l-bajja wkoll mad-dgħajjes mimlija turisti deħlin kontinwament fiż-żona tal-għawwiema, flimkien mar-riħa ta’ fjuwil li dawn iħallu warajhom.

Persuna li tkellmet ma’ TVM qalet li kemm damu f’din il-bajja daħlu numru mdaqqas ta’ dgħajjes, li għaddew għal ġoż-żona tal-għawwiema mit-tarf tal-bagi sofor u ħomor, fejn kien hemm parti miftuħa.

L-istess persuna qalet li, għalkemm ma ratx din l-azzjoni b’għajnejha, persuni oħra li kienu hemm qabilha sostnew li raw lil wieħed mis-sidien ta’ dawn il-‘water taxis’ jaqta’ l-ħabel tal-bagi u jorbotlu mazzra biex jibqa’ f’postu.

Wara li uħud mill-għawwiema ġibdu l-attenzjoni tas-sidien tad-dgħajjes u anki tellgħu filmat fuq il-midja soċjali, sidt ta’ dgħajsa partikolari żiedet biċċa ħabel ma’ dak maqtugħ u reġgħet rabtitu fil-post oriġinali.

Meta ffaċċjati bil-fatt li kienu qed jiskru l-liġi, is-sidien tad-dgħajjes allegatament qalu li kellhom problema biex iniżżlu lit-turisti ‘l barra miż-żona tal-għawwiema għax ma kienx hemm sellum biex jaslu għal fuq il-bajja. Madanakollu meta l-bagi kienu lura posthom it-turisti bdew jitniżżlu xorta waħda ‘l barra mill-bajja.