Lokali
Ara: “Jien kuntent mal-mamà u l-papà!” – it-tifel li qed jirkupra minn puplesija f’ġuf ommu

Il-puplesija tista’ tolqtok għall-għarrieda, għandek kemm għandek żmien. Xhieda ta’ dan, hija l-istorja tat-tfajjel ta’ 6 snin Joey Mayer li kellu attakk ta’ puplesija meta kien għadu f’ġuf ommu.

F’kummenti ma’ ‘Popolin’, il-ġenituri ta’ Joey, Andrew u Patricia Mayer irrakkontaw li mindu ngħataw l-aħbar li Joey tatu puplesija, ħajjithom inbidlet mil-lejl għan-nhar. Madankollu, huma stqarru kif ilkoll għamlu kuraġġ b’xulxin, ingħaqdu bħala familja waħda, u llum il-qagħda ta’ Joey tjiebet immens.

Omm Joey, Patricia, spjegat li wara li hi u żewġha saru jafu li Joey kellu nofs moħħ vojt, kellhom jitilgħu bih l-Ingilterra. Qalet, li Joey ġie operat u li beda jaqleb għall-aħjar minnufih. Fost l-oħrajn, Joey beda jitgħallem ipoġġi kif ukoll iqum fuq saqajh bil-mod il-mod.

Il-ġenituri ta’ Joey iddeskrivew lil binhom bħala tfajjel ferrieħi mmens. Qalu, li minkejja li huwa għadu ħalib ommu fi snienu, binhom ma jaqta’ qalbu qatt.

Il-puplesija hija t-tieni l-aktar marda qattiela f’Malta u hija l-aktar kawża komuni ta’ diżabilità permanenti. Bosta affarijiet jistgħu jwasslu għal attakk ta’ puplesija, fosthom sigħat twal ta’ xogħol. Rapport ippubblikat mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa f’dawn l-aħħar jiem juri li jekk taħdem 55 siegħa jew aktar fil-ġimgħa għandek 35% ċans aktar li jagħtik attakk ta’ puplesija meta mqabbel ma’ min jaħdem bejn 35 u 40 siegħa fil-ġimgħa.