Kronaka
ARA: Jiftħulu l-vann tal-monti u jaħarbu bih minn Birżebbuġa

Bejjiegħ tal-monti spiċċa mingħajr il-vann li jaħdem bih, wara li persuni mhux magħrufa serqulu l-vann li kien ipparkjat f’Birżebbuġa, fiż-żona tal-Qajjenza. Is-serqa seħħet għall-ħabta tas-2.30am fil-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis.

Il-ħalliel inqabad minn kamera tas-sigurtà, jidher jipprova jiftaħ il-vann imsakkar li kien ipparkjat fi Triq Ħerakles.

Wara ftit taħbit huwa rnexxielu jiftaħ it-tieqa, li minnha tawwal idu biex jiftaħ il-bieba tas-sewwieq. Il-ħalliel jidher li sab problema biex isuq il-vann, iżda wara ftit tal-ħin irnexxielu u telaq bih.

Persuna oħra tidher tgħinu f’din is-serqa, fejn fost oħrajn warrbitlu d-drapp ta’ fuq il-windscreen biex jara jsuq. Mill-filmat jidher li l-istess persuna ħarbet minn fuq il-post b’vann ieħor simili għal dak li nsteraq.

Sid il-vann qed jappella biex kull min għandu xi informazzjoni dwar il-vann tiegħu tat-tip Toyota Lite Ace abjad, bil-pjanċi DAS771, jgħaddiha lill-Pulizija fl-għassa ta’ Birżebbuġa.