Kronaka
ARA: Jiġri warajh b’injama u jkissirlu l-ħġieġa fi ġlieda fuq is-sewqan

Żewġ xufiera li lbieraħ argumentaw fuq il-manjiera tas-sewqan ta’ wieħed minnhom, spiċċaw b’teatrin li żvolġa fi Triq Mikiel Anton Vassalli fis-Swieqi. L-argument inqabad fuq filmat li ttella’ fuq il-midja soċjali.

Il-Pulizija qalet lil TVM li l-argument seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tas-6.40pm. Skont ix-xufier tal-vann, li mar jirrapporta l-każ fl-għassa ta’ San Ġiljan, l-argument inqala’ minħabba li allegatament hu kellem lix-xufier l-ieħor fuq il-mod kif beda jsuq.

Iż-żewġ xufiera niżlu mill-vetturi tagħhom u nqala’ argument, fejn allegatament inqabad ukoll turnavit. Fil-filmat wieħed mix-xufiera jidher jiġri wara x-xufier l-ieħor b’injama f’idu.

Ix-xufier li beda jżomm l-injama jidher jagħti biha fuq il-ħġieġa ta’ quddiem tal-vann li kien qed isuq ix-xufier l-ieħor, imbagħad jagħti wkoll daqqa mal-ħġieġa tal-ġenb u jkissirha. Xi nisa li kienu fl-istess karozza u f’karozzi oħra jidhru jippruvaw jikkalmaw is-sitwazzjoni.

Il-Pulizija qalet li fl-argument ma weġġa’ ħadd.